Il-GWU Mhux Se Taċċetta L-Ebda Tibdil Fil-Mekkaniżmu Tal-COLA
Il-General Workers’ Union mhux se taċċetta l-ebda tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA. Il-ftehim tal-COLA li kien daħal fis-seħħ fl-1990 kien maqbul bejn l-isħab soċjali kollha – min iħaddem, trejd unjins u Gvern. Matul dawn l-aħħar 32 sena, il-ftehim qatt ma nbidel, u jekk iseħħ dak li qed jiġi propost minn min iħaddem ikun qed isir ksur tal-liġi.
“Meta l-ħaddiem ingħata ftit ċenteżmi skont il-mekkaniżmu, din ġiet aċċettatha għax skont dak maqbul, allura issa li ġejja għolja, ma tistax tintmess lanqas. Tajjeb li nżommu f’moħħna li l-COLA tingħata lil kulħadd biex jinżamm l-istess purchasing power. Hekk kif qed issir insistenza li ż-żieda tal-COLA ma tingħatax sħiħa għal dawk il-ħaddiema li diġa’ ħadu żidiet fil-pagi fl-aħħar 12-il xahar, nisħqu li ħadd ma jista’ jikser il-ftehim bejn l-isħab soċjali,” qalet il-GWU.
Il-GWU żiedet tgħid li hekk kif il-Gvern qed jieħu l-miżuri meħtieġa biex tinżamm il-kompetittivita, billi jassorbi l-għoli tad-dawl u l-ilma, fjuwil u ċereali, Malta se tibqa’ żżomm il-kompetittivita mal-pajjiżi l-oħrajn. Fil-fatt Malta baqgħet fost il-pajjiżi Ewropew bl-inqas rata ta’ inflazzjoni. Filwaqt li fejn tidħol produttivita, it-trejd unjins dejjem jieħdu ħsieb li jiftehmu fuq il-livell ta’ intrapriża. Barra minn hekk f’kull ftehim kollettiv hemm klawsola b’referenza ċara dwar il-COLA u dwar iż-żieda tal-ftehim kollettiv.
“F’kuntest storiku dan il-mekkaniżmu maqbul bejn l-isħab soċjali għen biex stabbilizza r-relazzjonijiet industrijali, hekk kif il-parti tal-inflazzjoni ġiet irribattata. Jekk immorru lura minn dan se jinħoloq inkwiet industrijali ma’ kullimkien.”