Il-Karnival Tas-Sajf F’San Pawl Il-Baħar Fi Tmiem Il-Ġimgħa Li Ġejja
Bejn is-Sibt u l-Ħadd ta’ tmiem il-ġimgħa li ġejja se jkun qiegħed jittella’ l-Karnival tas-sajf fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar.
Matul dawn il-jiem, numru ta’ toroq ewlenin f’din il-lokalità se jaraw ’il fuq minn 10 karrijiet akkumpanjati minn spettaklu li jibda fis-7:00 p.m. u jispiċċa fil-11:00 p.m.
Dan l-avveniment qiegħed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet bis-sehem tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Noel Zarb u s-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif skont dak li huwa mfassal fl-istrateġija għas-settur turistiku għall-għaxar snin li ġejjin, qegħdin jiġu esplorati metodi ġodda li permezz tagħhom tkompli tissaħħaħ il-versatilità fil-prodott turistiku lokali.
“Il-Karnival huwa fost il-karatteristiċi ewlenin tal-kultura Maltija. Ċertament huwa ta’ pjaċir li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tkun ta’ spalla, din id-darba mal-gvernijiet lokali, biex jesebixxu t-tradizzjonijiet tagħna bl-aqwa mod possibbli,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.
Ritratti: DOI, MFT