“Il-PN Irid Li Kull Malti U Għawdxi Jkollu Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech
“Ħalli lill-Università ta’ Malta taħdem għax jekk tixxaħħaħ magħha, tkun qed tixxaħħaħ ma’ uliedna u mal-futur tagħhom.”
Dan kien l-appell li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel matul intervent telefoniku fuq NET FM, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Gvern li jaqta’ l-allokazzjoni finanzjarja tal-Università ta’ Malta b’€1.1 miljun.
Bernard Grech qal li wieħed kien jaħseb li l-fatt li l-Partit Laburista fil-Gvern ma jaħmilx lill-Edukazzjoni kienet xi ħaġa tas-snin 70 u 80. Illum, il-Gvern qed ibiddel il-metodi, iżda l-mentalità baqgħet l-istess.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jiffranka mill-ħela li hemm fl-amministrazzjoni tal-Gvern u mhux mill-Edukazzjoni ta’ wliedna, partikolarment mill-Università ta’ Malta.
Mistoqsi dwar it-tħassib ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin dwar is-sigurtà fil-pajjiż, Bernard Grech qal li għal din il-problema jaħtu biss il-Gvern u Robert Abela għax huma r-responsabbli mill-mod kif iżżarma l-Korp tal-Pulizija, tant li ġabuh mhux effettiv biżżejjed biex jiġġieled dawn il-problemi.
Tenna kif il-Gvern mhux imexxi tajjeb għax mhux jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dan kollu qed iwassal biex il-Maltin u l-Għawdxin mhux jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar għax mhux iħossuhom siguri f’pajjiżhom u fil-lokalità tagħhom stess.
Fid-dawl ta’ dan, Bernard Grech wiegħed li l-Partit immexxi minnu se jkompli jippreżenta proposti konkreti għax jemmen li l-poplu jistħoqqlu jgħix aħjar. Spjega li dan qed isir għax il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitkellem dwar l-importanza ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li l-Gvern Laburista ilu jnaqqarha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-ħidma fil-Partit qed issir għax qed ikun qrib il-poplu u jsegwi mill-qrib it-tħassib tagħhom, tant li l-ħidma politika ma qatgħet xejn anke matul ix-xhur tas-Sajf għax iħoss li Malta u Għawdex tagħna jixraqilhom aħjar bi tmexxija li tista’ tagħti l-kwalità tal-ħajja li l-poplu jixraqlu.