Il-PN Irid Li Tkun Iffaċilitata L-Ħidma Tas-Self-Employed U Tan-Negozji Ż-Żgħar U Medji
F’xenarju preżenti fejn l-isfidi u d-diffikultajiet għas-self-employed u n-negozji ż-żgħar u medji f’pajjiżna qegħdin dejjem jikbru, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jimpenja ruħu mill-aktar fis possibbli u bis-serjetà biex inaqqas il-burokrazija u jibdel is-sistema tal-mod kif qed ikunu pproċessati l-permessi relatati mal-impjiegi tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn tenniet li n-nuqqas ta’ kordinament flimkien man-nuqqas ta’ effiċjenza bejn u fi ħdan l-entitajiet tal-Gvern involuti fil-proċess tal-ħruġ ta’ dawn il-permessi huma l-kawża ewlenija ta’ problemi bla bżonn li qed ikollhom jiffaċċjaw is-sidien tan-negozji f’pajjiżna u li qed iħallu impatt negattiv fuq l-operat tagħhom. Dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur issa ġie kkonfermat ukoll fi studju li kkummissjonat fl-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA).
“Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li jibqa’ jkollna entitajiet tal-Gvern iwaħħlu f’xulxin fid-dewmien ta’ ħruġ ta’ permessi tax-xogħol. F’numru kbir ta’ każi, id-dewmien fil-proċess qed jieħu aktar minn erba’ xhur. Hemm bżonn li filwaqt li jsiru l-aċċertazzjonijiet kollha meħtieġa fuq kull ħaddiem barrani li jkun ġej jaħdem f’pajjiżna, l-istess entitajiet, partikolarment Identity Malta, JobsPlus, l-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iridu jkunu aktar prattiċi u anqas burokratiċi fil-ħidma tagħhom meta jiġu biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet li jaslu quddiemhom. Għandu wkoll jitqies bħala prijorità l-bżonn ta’ aktar riżorsi umani.
Dan id-dewmien kollu qed ifisser nuqqas ta’ kompetittività għan-negozji varji f’pajjiżna u problemi serji biex numru ta’ negozji jistgħu jkomplu joperaw. Nuqqas li qed ifisser ukoll spejjeż żejda bla bżonn għall-istess negozji. Żgur li l-ekonomija f’pajjiżna ma tistax tibqa’ taqla’ aktar skossi u għalhekk, il-Gvern hu obbligat jara li dan ma jseħħx billi jagħmel dak kollu li jista’ ħalli jkun spalla bis-serjetà għas-sidien tan-negozji żgħar u medji, filwaqt li jiffaċilitalhom ix-xogħol aktar milli jkun ta’ xkiel. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan hu settur li minnu tiddependi ħafna l-ekonomija ta’ pajjiżna u li allura jfisser ukoll l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex juri bis-serjetà li lest jagħti widen u jieħu d-deċiżjonijiet tant meħtieġa biex joħloq l-aħjar ambjent possibbli għas-sidien tan-negozji żgħar u medji flimkien mas-self employed ħalli dawn ikomplu jikbru u jikkontribwixxu b’risq l-ekonomija f’pajjiżna”, temmet tgħid din l-istqarrija.