Inawgurati xogħlijiet estensivi fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ f’Ħal Luqa

 Inawgurati xogħlijiet estensivi fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ f’Ħal Luqa

Investiment ta’ madwar €20,000 wassal biex fuq medda ta’ xhur saru xogħlijiet estensivi f’binja li sservi ta’ ċentru taż-żgħażagħ f’Ħal Luqa, immexxi mill-Għaqda Volontarja taż-Żgħażagħ Luqin, Luqa Youth Centre.

F’dan iċ-ċentru ssir ħidma li tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ madwar 30 adoloxxenti żgħażagħ, fejn minbarra li jsirulhom sessjonijiet ta’ informazzjoni li jkopru diversi temi, ikunu organizzati wkoll attivitajiet karitattivi.

L-inawgurazzjoni tal-proġett saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet dan l-avveniment bħala wieħed ta’ sodisfazzjon fuq diversi livelli. Fosthom, li tara żgħażagħ, li huma kemm il-preżent kif ukoll il-futur tal-pajjiż, involuti f’ħidma li permezz tagħha jagħmlu ħafna aħjar il-ħajja ta’ żgħażagħ oħrajn.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin li matul is-snin sawwar u għadu jsawwar is-soċjetà Maltija. “Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon meta nara żgħażagħ jipparteċipaw fil-volontarjat għaliex huma assigurazzjoni għas-sostenibbiltà f’dan is-settur.” Il-Ministru Farrugia Portelli kkonkludiet tgħid li l-gvern, filwaqt li jivvalorizza s-sehem taż-żgħażagħ u tal-għaqdiet volontarji, jinsab kommess li jagħti l-għodda neċessarja biex jitrawmu valuri sodi u biex jagħmel il-ħajja tan-nies aħjar.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jara investiment f’ċentru bħal dan jiġi attrezzat għaż-żgħażagħ. “Dan juri kemm il-gvern hu komess li jibqa’ jinvesti fil-preżent u l-futur taż-żgħażagħ biex ikomplu jkunu mgħejuna jilħqu l-quċċata tagħhom u jaffaċjaw l-isfidi f’din il-fażi tant importanti f’ħajjithom”, tenna s-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo saħaq li l-għan ta’ kull għajnuna, kemm finanzjarja kif ukoll ta’ taħriġ u appoġġ li tingħata mill-MCVS huwa li ssaħħaħ u ssostni lill-għaqdiet volontarji fil-ħidma tagħhom fil-komunità. Żied jgħid li permezz ta’ dawn l-għajnuniet l-għaqdiet volontarji jistgħu mhux biss ikomplu l-ħidma tagħhom iżda jsaħħuha u joffruha b’mod aktar modern u professjonali.

Il-President tal-Luqa Youth Centre Nicolette Aquilina spjegat li permezz ta’ dan il-proġett, iż-żgħażagħ jistgħu jgawdu sala ġdida u aċċessibbli, f’ambjent modern u li jirrifletti l-ispirtu żagħżugħ tal-għaqda. Hija stiednet liż-żgħażagħ li għadhom kif għamlu l-Griżma tal-Isqof jew li għandhom iżjed minn 13-il sena, biex jiċċelebraw din il-bidla magħhom billi jiġu għal-laqgħat li jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fit-8:30p.m. Ħeġġet lil min irid aktar informazzjoni biex iżur il-paġna taċ-ċentru fuq il-midja soċjali.

Il-proġett seta’ jkun possibbli permezz ta’ fondi maħruġin mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-proġett kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u s-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri.

Ritratti: DOI/MIVC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com