Inizjattiva Favur L-Istimulazzjoni Tal-Moħħ Tar-Residenti F’San Vinċenz de Paul
Intlaħaq ftehim bejn San Vinċenz de Paul u l-Assoċjazzjoni Malta Mind Sports biex jibdew jiġu organizzati sessjonijiet ta’ logħob għar-residenti, liema ftehim ikopri sena sħiħa. Dan bil-għan li tingħata attenzjoni lis-saħħa mentali tal-anzjani permezz ta’ logħob li jistimula l-moħħ. Din l-inizjattiva tinkludi logħob bħal chess, backgammon u sudoku, kompetizzjonijiet kif ukoll attivitajiet oħrajn. Huwa fatt magħruf li mind games jsaħħu l-livelli ta’ IQ ta’ individwi, u jrawwem ħiliet aħjar tal-ħsieb.
Din l-inizjattiva se tipprovdi qafas li jagħti opportunità lir-residenti biex jissoċjalizzaw iżjed bejniethom u jikkompetu ma’ residenti oħrajn f’atmosfera soċjali u ta’ ħbiberija. Dan jgħin ukoll biex l-ispirtu u l-moral wara sentejn ta’ pandemija u distanza soċjali, issa l-anzjani jkunu jistgħu jerġgħu jemanċipaw iżjed b’mod soċjali bejniethom.
Dan il-logħob se jkun qed isir f’sessjonijiet ta’ sagħtejn kull ġimagħtejn fejn ir-residenti jinvolvu ruħhom kemm fit-teorija u anke fil-prattika marbuta ma’ dan il-logħob. F’kull sessjoni se jibda jkun hemm żewġ persuni (facilitators) mill-organizzazzjoni volontarja MMSA (Malta Mind Sports Association) li hija organizzazzjoni volontarja li twaqqfet apposta biex tintroduċi l-idea tal-‘mind games’ fost ġenerazzjonijiet differenti biex tintlaħaq kull kategorija ta’ età. Il-logħob ser ikun kollu provdut minn San Vinċenz de Paul.
“Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva huwa kommess li jgħin fit-tisħiħ tas-saħħa mentali tal-anzjani tagħna fil-modi diversi possibbli u disponibbli fosthom permezz ta’ dawn il-mind games. Huwa fi dmirna wkoll li ngħinu lill-anzjani tagħna biex jirribattu d-dimensja fejn xjentifikament naraw li dawn it-tip ta’ eżerċizzji jgħinu tassew”, qal il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.