Interconnect Malta Tibda Studji Fil-Baħar Għat-Tieni Interconnector
Interconnect Malta (ICM) qed tibda x-xogħolijiet fil-baħar għall-istħarriġ preliminari tar-rotta marittima (PMRS) għal Interconnector 2, it-tieni kejbil tal-elettriku f’qiegħ il-baħar bejn Malta u l-Italja.
Nhar il-Ħamis il-bastiment twil sittin metru, l-Urbano Monti salpa mill-Port il-Kbir sabiex jibda janalizza kuritur ta’ 600 metru fir-rotta proposta għal Interconnector 2, liema rotta testendi madwar mitt kilometru minn Baħar iċ-Ċagħaq sa Marina di Ragusa fi Sqallija. Il-fond massimu li ser jintlaħaq f’din ir-rotta huwa mistenni li jkun ta’ mija u sittin metru.
Il-PMRS huwa essenzjali għat-tħejjijiet tal-interkonnesjoni l-ġdida għaliex ser jipprovdi informazzjoni batimetrika (ta’ qiegħ il-baħar), ġeofiżika u ġeoteknika biex titfassal l-aħjar u l-aktar rotta sigura tal-kejbil f’qiegħ il-baħar. Huwa ser jipprovdi ukoll it-tagħrif meħtieġ għad-disinn tal-metodi ta’ kif ser jindifen il-kejbil f’qiegħ il-baħar, sistemi ta’ protezzjoni oħrajn.
Interconnect Malta ddisinjat ir-rotta preliminari sabiex tevita żoni ta’ importanza ekoloġika kif ukoll żoni ta’ bunkering, akwakultura, żoni turistiċi, tas-sajd u tat-tkarkir kif ukoll żoni oħrajn li huma ristretti. Din ir-rotta ukoll żgurat illi dan il-kejbil ikun kemm jista’ jkun bogħod minn Interconnector 1, l-ewwel kejbil tal-elettriku taħt qiegħ il-baħar bejn iż-żewġ pajjiżi li beda jintuża fl-2015.
Wara sejħa internazzjonali pubblika aktar kmieni din is-sena, il-kumpanija Taljana li tagħmel dawn it-tip ta’ studji Fugro S.p.A. rebħet il-kuntratt sabiex tagħmel il-PMRS. Hija ser tuża l-bastiment tal-istħarriġ l-Urbano Monti li huwa mgħammar b’pożizzjonament avvanzat, multi-beam echo-sounder, side scan sonar, sub bottom profiler, magnetometer, ROV, gravity coring, cone penetrometer, tagħmir għal ġbir ta’
kampjuni u ekwipaġġament ieħor meħtieġ biex iwettaq stħarriġ ta’ kwalità għolja skont ir-rekwiżiti tal-proġett.
Ix-xogħlijiet ta’ stħarriġ qrib ix-xatt fi Sqallija bdew il-ġimgħa li għaddiet permezz ta’ bastiment iżgħar, filwaqt li x-xogħlijiet tal-istħarriġ f’Baħar iċ-Ċagħaq ser jibdew dalwaqt. Jekk jippermetti t-temp, l-istħarriġ ‘il barra mix-xatt (offshore) ser ikompli sa nofs Ottubru. Il-kuntrattur imbagħad ikun jista’ jagħmel l-analiżi tad-data u jlesti r-rapporti meħtieġa.
Interconnect Malta riċentement ħarġet ukoll sejħiet għal offerti oħra, fosthom għad-disinn tal-inġinerija front-end (FEED) għal dan il-proġett u għall-valutazzjonijiet tal-impatti ambjentali (EIA). Dawn huma meħtieġa sabiex ICM tkun tista’ tikseb il-permessi tal-iżvilupp meħtieġa fl-Italja u f’Malta. Minn hemm ‘il quddiem, il-kumpanija tkun tista’ toħroġ sejħa għall-offerti għax-xiri, t-tqegħid u l-ittestjar għall-interconnector il-ġdid.
Interconnector 2 ser iżid is-sigurta ta’ provvista għad-domanda għall-enerġija tal-lum u tal-futur u ser jipprovdi wkoll ir-riżerva ta’ kapaċita meħtieġa biex taħseb għall-intermittenza fil-produzzjoni tal-enerġija b’sorsi rinnovabbli. B’hekk ser jgħin biex Malta tilħaq il-miri ambjentali tal-pajjiż biex trażżan it-tibdil fil-klima, għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dwar Interconnect Malta
Interconnect Malta Limited (ICM), li twaqqfet fl-2021, hija kumpannija governattiva fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża. Hija responsabbli mill-iżvilupp ta’ żewġ proġetti prinċipali infrastrutturali, li huma Interconnector 2, it-tieni kejbil tal-elettriku HVAC bejn Malta u l-Italja, u Melita TransGas Hydrogen-Ready Pipeline, li ġie identifikat bħala Project of Common Interest (5.19) mill-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ investimenti ser iżidu l-interkonnessjoni u s-sigurta tal-provista elettrika ta’ Malta u jtemmu l-iżolament tagħha mill-European Gas Network.
www.icm.mt