Is-Sajf Għan-Niżla

 Is-Sajf Għan-Niżla

Analiżi:

Sistema ta’ maltemp fuq il-Baħar Tirren se tgħaddi viċin dawn l-inħawi qabel tispiċċa fil-Baħar Jonju u Adrijatiku fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. L-arja se tinħass ukoll ferm inqas sħuna mill-ġimgħa l-oħra.

Dettalji:
It-temp din il-ġimgħa qed ikun pjuttost imsaħħab f’xi jiem speċjalment waqt l-aqwa ħin tal-ġurnata fejn jistgħu jiffurmaw xi għerejjex (sħab tax-xita) iżolati speċjalment fil-bidu tal-ġimgħa. Tonqos is-sħana filwaqt li l-indiċi tar-raġġi UV se jkompli jbatti xi ftit u jkun bejn 8 u 9.

Ir-riħ moderat (Forza 4-5) se jkompli jnaqqas u jiġi ħafif (sa Forza 3-4) mit-Tlieta 23/8. Id-direzzjoni predominanti se tkun il-Majjistral (NW) iżda jirritorna r-riħ isfel lejn tmiem il-ġimgħa..

It-temperaturi massimi se jkunu mal-medja staġjonali f’medja ta’ 31°C, filwaqt li t-temperaturi minimi se jkunu madwar 22°-23°C li wkoll huma daqs il-medja għal dan iż-żmien..

It-temperatura tal-baħar tinsab f’medja ta’ 29°C, li hi madwar 2°C aktar sħuna mill-medja għall-aħħar t’Awwissu.

Samuel Cutajar

https://stradarjali.com

Samuel hu affaxxinat bl-elementi tan-natura, speċjalment minn dawk li joffri t-temp madwarna. Jieħu ħsieb paġna ewlenija dwar it-temp f’pajjiżna. Hu wkoll għalliem u ggradwa fil-psikoloġija. Jgħallem il-mużika u hu anke amministratur fi klabb tal-futbol lokali.