L-Ewwel Pubblikazzjoni Diġitali Maltija Tagħlaq 28 Sena

 L-Ewwel Pubblikazzjoni Diġitali Maltija Tagħlaq 28 Sena

Qatt kont tobsor li l-ewwel pubblikazzjoni diġitali f’Malta ħarġet f’Awwissu… ta’ 28 sena ilu? Bit-titlu ferm kurjuż ta’ “ROM“, il-pubblikazzjoni kienet tiffoka esklussivament fuq il-kultura tal-arti diġitali kontemporanja ta’ dak iż-żmien, li bdiet tizboq u tiżviluppa fil-bidu tas-snin disgħin hekk kif l-ewwel żgħażagħ bdew juzaw il-komputer ghal skop artistiku. Il-pubblikazzjoni kienet tahdem fuq il-kompjuters Amiga (l-aktar kompjuter popolari fil-bidu tad-disgħinijiet) u titqassam b’xejn madwar l-Ewropa permezz tal-posta… fuq “floppy diskette” li kienet tesa’ inqas minn 1 megabyte ta’ informazzjoni! Dan kien il-mezz ewlieni kif wiehed kien jahzen u jqassam id-data, ghexiren ta’ snin qabel il-wasla tal-USB drives. Kien zmien fejn Malta kienet għadha trid tħaddan l-aċċess kummerċjali tal-internet u email, iżda bil-limitazzjonijiet kollha tagħha, u fi żmien qasir, “ROM” saret l-aktar pubblikazzjoni popolari internazzjonalment tax-xorta tagħha.

Il-pubblikazzjoni “ROM” damet ghaddejja għal 3 snin sħaħ, b’total ta’ 9 ħarġiet. Immirata għal udjenza internazzjonali, il-kontenut kien kollu bl-Ingliż u mahluq minn żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha li kienu jikkollaboraw b’ artikli fuq ix-xena tal-arti tal-kompjuter Amiga, kurżitajiet fuq l-ipprogrammar, aħbarijiet fuq il-kompjuter, grafika mahduma tikka tikka bil-mouse, u anke muzika oriġinali li wieħed seta’ jisma’ waqt li jaqra l-pubblikazzjoni. Hafna minn dawn iż-żgħażagħ illum huma meqjusa bħala l-ewwel pijunier u esploraturi kreattivi tar-rivoluzzjoni diġitali.

L-editur tal-pubblikazzjoni kien Noel Baldacchino, magħruf aħjar fix-xena internazzjonali tal-arti diġitali bħala “Mop”. Huwa rnexxielu jgħaqqad tim ta ‘żgħażagħ kreattivi, kollha jahdmu id f’id, mingħajr baġit u ebda gwadann finanzjarju, fejn l-uniku skop kien it-tixrid ta’ din il-forma ġdida ta ‘arti fuq il-kompjuter. Kollox kien jigi organizzat permezz ta’ ittri mibgħuta bil-posta u telefonati… Tghid din kienet l-ewwel forma ta’ “remote work”? Illum il-gurnata lanqas biss noħolmu li nikkomunikaw ma’ persuna mingħajr l-użu tal-email, mobile, Zoom jew il-midja soċjali, ahseb u ara li nagħmlu pubblikazzjoni sħiħa!

Id-disinn innovattiv tal-pubblikazzjoni mil-ewwel spikka u sar l-istandard il-ġdid ta’ dak iż-żmien. ROM ġie vvutat għal diversi snin bħala l-aħjar pubblikazzjoni fil-EUROCHARTS TOP 20. Dan ukoll ghaliex “ROM” kienet l-ewwel pubblikazzjoni li introduċiet lingwaġġ speċjalizzat u tekniku dedikat għall-kultura tal-arti fuq il-kompjuter, illum magħrufa aħjar bħala “demoscene“. F’Ġunju tal-2020, il-UNESCO saħansitra rrikonoxxiet id-“demoscene” bħala l-ewwel kultura diġitali b’wirt kulturali dinji. Il-kontribuzzjoni lingwistika mibdija minn “ROM” kienet certament fost il-punti ewlenin li għenu biex dan kollu jseħħ.

Illum ħafna miż-żgħażagħ li kienu attivi fid-“demoscene” tas-snin disgħin huma l-imħuħ wara kumpaniji ewlenin tal-videogames. Oħrajn bnew karriera jaħdmu bħala animaturi ma’ Disney jew fi produzzjonijiet ta’ Hollywood. Kull sena, avvenimenti kulturali li jkattru l-arti diġitali tad-“demoscene” jiġu organizzati minn diversi entitajiet madwar l-Ewropa kollha u jiġbdu eluf ta’ artisti diġitali minn kull rokna tad-dinja. U Noel Baldacchino, x’ kien sar minnu? Illum hu programmatur tal-kompjuter u għadu jikteb, fejn bħalissa huwa wieħed mill-edituri tar-rivista Ġermaniża, “Amiga Future“.

Fl-aħħar tal-1997 “ROM” bdiet toħroġ onlajn fejn baqgħet għaddejja sal-1999. Fl-2019, il-pubblikazzjoni VERSUS għamlet stħarriġ dwar liema rivista diġitali tal-passat il-qarrejja tagħha l-aktar jixtiequ jerġgħu jaraw. ROM ġiet it-tieni. Tgħid xi darba għad naraw l-għaxar ħarġa ta’ ROM?

X’inhi l-AMIGA?

Skont il-ġurnal “The Guardian“, il-Commodore Amiga 500 kien l-aktar kompjuter popolari fis-snin disgħin qabel id-dominanza tal-Windows PCs u l-konsols. L-Amiga ħolqot splużjoni ta’ talent kreattiv fost iż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien u ispirat ġenerazzjoni artistika ta’ programmaturi, artisti u mużiċisti li ħafna minnhom għadhom joħolqu xogħol ta’ arti digitali sal-gurnata tal-lum. Commodore, il-kumpanija li kienet tipproduċi l-Amiga, falliet f’Mejju tal-1994, u waqfet toħroġ Amigas ġodda. F’Malta, l-Amiga baqa’ jinbiegħ sal-1996. L-Amiga jibqa’ jgħix permezz tal-eluf ta’ akkaniti, li għadhom jużaw l-Amiga sal-lum il-ġurnata, f’waħda mill-ħafna verżjonijiet u forom tiegħu.

X’inhi d-DEMOSCENE?

Id-demoscene huwa netwerk dinji ta’ mħuħ kreattivi involuti fil-ħolqien ta’ arti diġitali, permezz tal-użu ta’ programmazzjoni, grafika u mużika, fejn l-iskop ewlieni hu li juru l-potenzjal artistiku tal-kompjuters tal-mument.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com