“L-irkupru B’Saħħtu Jfisser Li Nkunu B’Saħħitna Biżżejjed Biex Nindirizzaw Il-Prijoritajiet.” – Il-PM

 “L-irkupru B’Saħħtu Jfisser Li Nkunu B’Saħħitna Biżżejjed Biex Nindirizzaw Il-Prijoritajiet.” – Il-PM

“Jien għalija l-irkupru huwa l-iktar aspett kruċjali fil-mument. Li settur settur, naraw li qegħdin fil-livelli ta’ qabel il-pandemija jew qribhom, anke jekk id-dinja għaddejja minn taqlib.

L-irkupru b’saħħtu li qed naraw, ma jfissirx li ma nibqgħux gvern bil-għaqal fil-mod kif namministraw il-fondi. Imma jfisser li nkunu b’saħħitna biżejjed biex nindirizzaw il-prijoritajiet.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio fejn spjega kif dan l-irkupru  huwa kruċjali biex pajjiżni jilħaq l-aqwa livelli fis-setturi kollha.

Dwar is-settur tat-turiżmu, il-Prim Ministru sostna kif dan is-settur ma nillimitawhx biss għax-xhur tas-Sajf iżda jestendi għas-sena kollha. Waqt żjara li kellu mat-tmexxija tal-Valletta Cruise Port, Robert Abela semma kif filwaqt li s-sena l-oħra kellna 150,000 passiġġier mis-settur tal-cruiseliners, din is-sena rajna żieda għal nofs miljun passiġġier, żieda ta’ tliet darbiet.

“Dan ma jiġix mix-xejn. Dan jiġi bil-ħidma li jkun hemm bejn is-settur privat, il-gvern u l-entitajiet tiegħu. U dan hu messaġġ li nibqa’ nwasslu b’mod konsistenti. Is-settur privat se nibqgħu naħdmu miegħu katina biex joħloq ix-xogħol, nagħtuh l-ispazju fejn jinvesti u jkabbar dawn l-opportunitajiet.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif quddiem l-isfidi internazzjonali, il-Gvern se jibqa’ miexi fuq tliet prinċipji: l-għaqal, ir-responsabilita’ u s-sostenibilita’ u minkejja r-riperkussjonijiet tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ewropa, il-Gvern baqa’ jagħti l-għajnuna kollha li kien hemm bżonn lin-nies.

Tenna wkoll li l-akbar għajnuna qed tingħata fis-settur tal-enerġija, tal-gass fiċ-ċilindri, tal-ġwież u tal-qmugħ iżda filwaqt li hemm dawn in-nefqiet, id-dħul tal-Gvern mit-taxxa fuq id-dħul u mill-VAT qed jiżdied u dan jagħti s-serħan il-moħħ quddiem it-tħejjijiet għall-budget li jmiss.

“Meta jkollok il-President tal-Eurogroup jimmarka b’dak il-mod kif quddiem l-isfidi l-ekonomija Maltija kienet fost dawk li spikkaw, bilfors tinnotaha b’sodisfazzjon.

Il-President tal-Eurogroup Donohoe, li kull darba li niltaqa’miegħu, jkollu kliem pożittiv dwar pajjiżna  mmarka kif  f’Malta l-qgħad huwa taħt it-tlieta fil-mija u kif f’Malta kellna rkupru b’saħħtu.

Donohoe nnota wkoll il-pjan ta’ rkupru li resqet Malta, fejn mmarka b’mod ċar il-viżjoni li ressaqna bħal parti minn dan il-pjan.

Dan iqawwilna qalbna. Li filwaqt li aħna nibqgħu gvern li jaġixxi b’responsabbilta u sostenibbilta, u b’ għaqal, inkomplu ninvestu fin-nies, insostnu lin-nies u ngħinu lin-nies.”

Il-prinċipju bażiku tas-serħan il-moħħ huwa wieħed li ma rridux niċċaqalqu minnu

“Irridu nassiguraw li l-awtoritajiet tagħna jifmhu li jridu jlaħħqu ma’ dan il-pass. Naturalment ix-xogħol tagħna bħala Gvern huwa li nagħtu l-għodda meħtieġa lil dawn l-awtoritajiet sabiex ileħħqu ma’ dawn ix-xejriet.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll il-pożizzjoni soda tal-Gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari.

“L-ewwel nett ma nistax nittollera sitwazzjoni li ma nagħmlu xejn sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u t-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran.

It-tieni nett dejjem żammejt ġo moħħi li l-prezz tal-aġir kriminali tat-traffikanti li jistagħnew minn persuni vulnerabbli iħallsuh ukoll il-komunitajiet tagħna, speċjalment irħula bħall-Ħamrun u l-Marsa.”

Semma wkoll il-pożizzjoni kunflinġenti tal-Oppożizzjoni f’temp ta’ ftit jiem fuq dan is-suġġett.

Il-verità hija li l-awtoritajiet mhux qed jistennew lill-Oppożizzjoni biex persuni li ma ħaqqhomx li jibqgħu f’pajjiżna, jintbagħtu lura pajjiżhom permezz tal-poteri li l-liġi tagħti lill-awtoritajiet tagħna.

“In-nies għandhom raġun jippretendu, u aħna hekk aġixxejna u se nkompli naġixxu, li meta jinqalgħu ċertu sfidi jsibu l-awtoritajiet fuq in-naħa tagħhom dejjem.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com