Mara Titlef Ħajjitha F’Inċident Tat-Traffiku F’Birkirkara

Illum, għal xi l-kwarta ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Notabile, Birkirkara.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li mara mis-Serbja ta’ 23 sena residenti San Pawl il-Baħar, intlaqtet minn vettura tal-Malta Public Transport tat-tip King Long, li kienet qed tinstaq minn Filippin ta’ 41 sena residenti Tal-Pietà.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Sfortunatament, il-mara ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.