Naħal, Siġar U Xjenza Ġejjin Lejn Forti Sant’Iermu

 Naħal, Siġar U Xjenza Ġejjin Lejn Forti Sant’Iermu

It-30 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru 2022 jimmarkaw l-għaxar anniversarju tal-festival maħbub tax-Xjenza u l-Arti ta’ Malta. Fis-7 t’Ottubru l-festival se jagħlaq b’format onlajn wara s-suċċess tas-sena l-oħra bħala festival ibridu.

Il-festival ta’ din is-sena se jilqa’ nies ta’ kull età fil-ħitan storiċi ta’ Forti Sant’Iermu u s-Sala San Duminku. Fil-ġranet ta’ qabel il-festival se jkun hemm avvenimenti li jibdew minn l-aħħar t’Awwissu ‘l quddiem. L-attivitajiet jibdew propju fis-26 t’Awwissu bi Bioblitz, mill-Istitut tas-Sistemi tad-Dinja tal-Università ta’ Malta (UM), fejn kull min għandu smartphone jista’ jgħin biex jinstabu u jkunu identifikati speċi ta’ pjanti aljeni matul dik il-ġurnata.

Avvenimenti oħra jinkludu workshops tax-xjenza, żfin u escape room virtwali. Permezz ta’ attivitajiet interattivi, mużika, u wirjiet, kif ukoll taħdidiet mar-riċerkaturi, il-festival Xjenza fil-Belt trid turi n-naħa affaxxinanti tax-xjenza u l-opportunitajiet ta’ karrieri STEM.

Il-festival qed jibni fuq it-tema tas-sena li għaddiet “Sowing Seeds” fejn l-għan tal-festival ta’ din is-sena huwa li l-idea li ċ-ċittadini jużaw l-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza biex jidentifikaw l-isfidi u l-opportunitajiet tal-lum Tieħu l-Għeruq (Taking Root). Il-festival ta’ din is-sena se jkompli dan l-għan li jgħin biex jagħtu s-setgħa lill-komunitajiet biex ikunu mgħammra aħjar biex jinfluwenzaw il-politiki u d-deċiżjonijiet li jaffettwawhom f’kull livell.

“Jiena eċċitat ħafna dwar il-line up ta’ din is-sena!” qal il-koordinatur tal-festival Dr Edward Duca, li ħabbar it-tnedija tal-festival fl-Università ta’ Malta. “Qed ikollna avvenimenti fiżiċi u onlajn matul Settembru, lejla mimlija xogħlijiet tal-arti u stands fi Forti Sant’Iermu, u jumejn ta’ wirjiet fis-Sala San Duminku biex jitgawdew kulħadd. Minn workshops dwar in-naħal, għal kanzunetti dwar ix-xjenza, qed inġibu xjenzjati u artisti flimkien biex jagħmlu r-riċerka li ssir f’Malta aċċessibbli għal aktar u aktar nies. Aħna kburin li riċerka indipendenti fl-2019 wriet li madwar 40% taċ-ċittadini ta’ Malta attendew il-festival personalment. Nistennew bil-ħerqa li nilqgħu ħafna aktar nies.”

Il-Professur Alfred Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, qal kif l-istituzzjoni “dejjem appoġġa bil-qalb il-Festival Xjenza fil-Belt għaliex narawha bħala mezz effettiv fit-tixrid tal-messaġġ importanti li ċ-ċittadini għandhom bżonn jimpenjaw ruħhom max-xjenza u t-teknoloġija. Għandna bżonn it-tfal fl-iskola, kif ukoll il-ġenituri u n-nanniet tagħhom biex jifhmu li l-futur tal-pajjiż hu isbaħ u aktar sigur jekk ix-xjenza tinftiehem u tkun imħaddna minn kemm jista’ jkun minna.”

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Dr Clifton Grima, saħaq li “l-festival Xjenza fil-Belt hi opportunità eċċellenti għax-xjenza u komunità artistika biex jingħaqdu flimkien biex iwasslu x-xjenza eqreb lejn il-pubbliku, speċjalment biex tenfasizza tema sinifikanti li tirrifletti l-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea għas-sopravivenza tal-pjaneta tagħna.” Grima qal li l-edukazzjoni għandha parti importanti fit-tixrid ta’ aktar għarfien dwar il-Green Deal Ewropew u l-programm ta’ finanzjament tar-riċerka Horizon Europe, kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-istudenti f’dan l-avveniment prestiġjuż huwa ta’ importanza kbira. “Il-Gvern huwa kommess li jara li l-iskejjel jipprovdu edukazzjoni ħolistiku, u l-involviment tal-istudenti fl-aspetti kollha tas-soċjetà tagħna”, qal Grima.

L-Onor. Keith Azzopardi-Tanti, Segretarju Parlamentari taż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, iqis il-Festival Xjenza fil-Belt bħala forza li tgħaqqad ix-xjenza f’Malta. “Ninsab grat għal edizzjoni oħra tal-Festival għaliex din se tinvolvi aktar nies fis-soċjetà tagħna biex jesperjenzaw ix-xjenza irrispettivament mill-isfond u l-età tagħhom.”

Il-Festival Xjenza fil-Belt (Science in the City) tifforma parti miċ-ċelebrazzjoni madwar l-UE kollha, il-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej. Il-festival hu kofinanzjat mill-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni Orizzont Ewropa tal-Unjoni Ewropea, taħt il-ftehim tal-għotja Nru 101061120, l-Arts Council Malta (ACM) u għadd ta’ sponsors korporattivi. Il-festival hu rikonoxxut mill-Ewropa għall-Festivals u l-Festivals għall-Ewropa (EFFE).

Il-konsorzju Science in the City huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta u l-Kamra tax-Xjentisti ta’ Malta, bi sħab mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Trust Stamp Ltd, Malta Enterprise, MCAST, Qualia Analytics, Esplora, tech.mt, BPC International, SEM, PBS, Spazju Kreattiv, Aquabiotech, Valletta Design Cluster, Valletta Cultural Agency, Transport Malta, The Environment Resource Agency, WasteServ, Heritage Malta u More or Less Theatre.

Din il-komunikazzjoni tirrifletti l-opinjoni tal-awtur u l-Kummissjoni Ewropea mhix responsabbli għall-ebda informazzjoni li fiha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com