Niccelebraw Deċennju Ta’ Xjenza Fil-Belt Valletta

 Niccelebraw Deċennju Ta’ Xjenza Fil-Belt Valletta

It-30 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru 2022 jimmarkaw l-għaxar anniversarju tal-festival maħbub tax-Xjenza u l-Arti ta’ Malta. Din is-sena l-festival jerġa’ lura fil-beraħ wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija. Forti Sant’Iermu se jsir ċentru bieżel ta’ xjenza, divertiment u kreattività, filwaqt li Sala San Duminku se ttella’ numru ta’ wirjiet uniċi biex jitgawdu minn kulħadd. Il-festival qed jiffoka fuq komunitajiet lil hinn mill-belt Valletta bl-ewwel avvenimenti satellitari tiegħu fl-Isla u fiċ-Ċittadella ġewwa Għawdex. Matul l-aħħar deċennju Science in the City (SitC) ġibdet qrib 300,000 viżitatur, 950 riċerkatur, 250 artist u madwar 1,000 organizzazzjoni lejn il-festival.

Għal deċennju sħiħ SitC bena relazzjonijiet bejn ir-riċerkaturi, l-artisti u l-komunitajiet biex jorganizza avveniment li jqanqal kurżità u apprezzament f’dawk kollha li jattendu. L-għan ta’ dak li żviluppa f’festival ibridu, huwa li juri l-importanza tal-ħsieb kritiku u l-karrieri STEAM fid-dinja tal-lum. Dan il-festival jirrifletti l-għanijiet tal-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej li ssir fi 300 belt madwar l-Ewropa fl-istess jiem.

Il-lista ta’ attivitajiet mhix biss divertenti, iżda sensittiva għall-isfidi li lkoll niffaċċjaw. Fi stqarrija lill-istampa, Dr Edward Duca, Koordinatur tal-festival jgħid kif, “il-kreattività u x-xjenza jkomplu jservu ta’ pilastri ta’ dan l-avveniment nazzjonali”.

Il-maniġer tal-festival Karen Fiorini tisħaq kemm hu importanti li kull attività fil-festival tinvolvi lill-udjenzi tagħha permezz ta’ avvenimenti interattivi u uniċi. “Kull attività taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet li jolqtu t-tema tal-festival; id-diversità u l-inklużjoni, it-tibdil fil-klima, il-litteriżmu tal-midja u s-saħħa, fost oħrajn. Dan huwa rifless fl-attivitajiet artistiċi magħżula mit-tim għall-festival”.

Għall-festival, ix-xjenzati u l-artisti ħadmu mill-qrib, bil-għan li jħeġġu lill-udjenzi jieħdu rwol aktar attiv fis-soċjetà u fil-protezzjoni tal-pjaneta. Il-mużiċist John Hinton qed jikkollabora mar-riċerkatur tal-Blue Eco Tech Ltd Alexia Massa Galluci, biex jitgħallem dwar is-superpotenzi tal-ħaxix tal-baħar u kif jistgħu jgħinu biex isalvaw il-pjaneta mill-ħruq, il-kunċert li ser eventwalment jirriżulta mir-riċerka u l-workshop bil-kitba tal-kanzunetti se jittellgħu fit-teatru ta’ San Duminku. Koreografija mill-prattikanti taż-żfin Sandra Mifsud u Douglas Comley qed jaħdmu ma’ riċerkaturi minn Birdlife Malta, biex jenfasizzaw l-importanza tal-bijodiversità. Iż-żfin se jsir fi Piazza D’Armi, fi Forti Sant’Iermu nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru. Aktar tgħarif dwar il-programm ta’ attivitajiet se jiġi żvelat waqt il-konferenza stampa ppjanata għat-tielet ġimgħa t’Awwissu.

L-10 festival qed jesplora t-tema, Taking Root, li jibni fuq il-fokus tas-snin preċedenti, fejn ir-rilevanza tax-xjenza u r-riċerka fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll f’ċittadinanza attiva u responsabbli, qed tkompli tkun esplorata. Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru organizzazzjonijiet ta’ studenti universitarji, riċerkaturi, artisti u kreattivi, NGOs, aġenziji tal-gvern u kumpaniji privati ​​se jikkonverġu fi Piazza D’Armi u Piazza Cavalier biex iħajru lill-viżitaturi ta’ kull età bejn is-6pm u l-11pm b’arti fit-toroq, laboratorji, kummiedji, logħob, wirjiet, mużika, u esperimenti interattivi. Se jkun hemm ukoll avvenimenti satellita fi Spazju Kreattiv, fl-Isla u fiċ-Ċittadella f’Għawdex. Se jsiru wkoll attivitajiet interattivi għal dawk li jippreferu onlajn fis-7pm sal-11pm. Ir-rappreżentazzjonijiet u xows tal-logħob se jsiru taħt il-Bażilika ta’ San Duminku fi Triq il-Merkanti, fit-teatru taħt l-art bejn il-5pm u l-11pm u s-Sibt 1 ta’ Ottubru bejn l-10am u l-5pm, u għal darb’oħra waqt Notte Bianca bejn is-7pm u l-11pm.

Science in the City tifforma parti miċ-ċelebrazzjoni madwar l-UE kollha, il-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej. Il-festival hu kofinanzjat mill-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni Orizzont Ewropa tal-Unjoni Ewropea, taħt il-ftehim tal-għotja Nru 101061120, l-Arts Council Malta (ACM) u għadd ta’ sponsors korporattivi. Il-festival hu rikonoxxut mill-Ewropa għall-Festivals u l-Festivals għall-Ewropa (EFFE).

Il-konsorzju Science in the City huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta u l-Kamra tax-Xjentisti ta’ Malta, bi sħab mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Trust Stamp Ltd, Malta Enterprise, MCAST, Qualia Analytics, Esplora, BPC International, SEM, PBS, Spazju Kreattiv, Aquabiotech, Valletta Design Cluster, Valletta Cultural Agency, Transport Malta, The Environment Resource Agency, WasteServ, Heritage Malta u More or Less Theatre.

Din il-komunikazzjoni tirrifletti l-opinjoni tal-awtur u l-Kummissjoni Ewropea mhix responsabbli għall-ebda informazzjoni li fiha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com