Pajjiżna Jiċċelebra Santa Marija
Pajjiżna llum jiċċelebra l-Għid tal-Assunta, il-festa ta’ Marija imtella’ s-sema. Din il-festa tiġi ċċelebrata b’mod tradizzjonali u kbir f’seba’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex propju llum nhar il-15 ta’ Awwissu; Il-Mosta, H’Attard, Gudja, Għaxaq, Mqabba, Qrendi u r-Rabat f’Għawdex. Lokalitajiet oħra, knejjes u kappelli żgħar ifakkru din il-festa f’nharha b’funzjonijiet liturġiċi biss.
F’messaġġ online, l-Arċisqof jiddiskrivi dan il-jum bħala festa straordinarja. Segwi dan il-messaġġ hawn:
Intant, f’ċelebrazzjoni li saret fil-Bażilika tal-Mosta, Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna silet tagħlimiet li joħorġu mill-vjaġġ li għexet Marija flimkien ma’ binha Ġesu’ minn qabel it-twelid sal-mewt. L-Arċisqof stqarr li l-figura ta’ Sidtna Marija hija turija ta’ kemm fil-ħajja ma rridux naqtgħux qalbna. Fil-Mosta, l-Arċisqof fakkar fost l-oħrajn kif din is-sena qed jitfakkar it-80 anniversarju minn meta bomba tal-gwerra laqtet lit-tempju ta’ din il-lokalità. Hawn, emozzjonat, l-Arċisqof stqarr li l-knisja tal-Mosta inħelset “bil-ħarsien ta’ Marija”.