Mario Azzopardi, persuna b’diżabilita’, kunsillier Nazzjonalista li għadu kif ġie elett fil-kunsill lokali tal-Gżira, ma setax jieħu l-ġurament fl-uffiċju amministrattiv tal-kunsill, minħabba li l-lift ma kinx aċċessibli. B’referenza għal din is-sitwazzjoni, il-kunsilliera nazzjonalisti kritikaw bl-aħrax lis-Sindku Laburista Conrad Borg Manche, li min-naħa tiegħu saħaq li hija pastażata li tinqeda b’persuna b’diżabilita’ biex tagħmel kapital politiku.
Conrad Borg Manche kiteb fuq il-mezzi soċjali li l-mekkaniżmu tal-lift inħaraq minħabba x-xita qawwija li għamlet f’Ottubru li għadda. Is-sulari ta’ fuq il-kunsill m’humiex tal-kunsill u ilhom ġebel u saqaf għal dawn l-aħħar 22 sena. Il-lift m’huwiex tal-kunsill lanqas u l-kunsill ma setax jibdlu.
”Spjegajt lill-Kummissarju tal-persuni b’diżabilita’, lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll lis-Segretarju Permanenti bis-sitwazzjoni. Taf x’naf ingħid li ħadd mill-kunsilliera nazzjonalisti li kienu jafu bil-problema ma’ kellmuni biex jaraw x’jista’ jsir, anzi qagħdu jistennew il-laqgha biex jagħmlu li għamlu. Kif għadt it-Tlieta waqt il-laqgħa; leġislatura sħiħa kkarateriżżata minn inkejja kontinwa. Kif dawruha ġiet li qisu għamilna apposta biex Mario ma jkunx jista jiġi. Nerġa’ ngħid imisskhom tistħu. Mhux ta’ b’xejn il-PN jinsab fl-abissi, hekk tridu terbħuhom lin-nies?” – Kiteb is-Sindku Conrad Borg Manche
Is-Sindku saħaq li lil kunsillier il-ġdid Mario Azzopardi ċempillu biex jifraħlu u ħeġġu huwa stess biex jitfa’ n-nomina u spjegalu l-problema x’inhi. Mario Azzopardi kien qal lis-Sindku li mhux problema u li jekk jgħinu xi ħadd jitla’ u li kien lest jgħinu bil-qalb kollha kif dejjem għen lilu u l-familja tiegħu meta kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu.