Sophie – Il-Kelba Tad-Dwana Xxomm €48,750 Fi Flus Kontanti

Fil-ġlieda kontinwa tagħha kontra l-ħasil tal-flus, Customs Malta interċettat total ta’ €48,750 fi flus kontanti mhux iddikjarati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Żewġ passiġġieri Sirjani waqt ir-rotta lejn il-Libanu twaqqfu u ġew mitluba jiddikjaraw kemm kienu qed iġorru flus kontanti wara li l-kelba tad-Dwana Sophie tat reazzjoni pożittiva fil-konfront tagħhom.
Iż-żewġ passiġġieri kienu mfittxija u nstabu €10,419 u €38,331 moħbija fil-bagalji rispettivi tagħhom.
Il-passiġġier li kien qed iġorr €10,419 fi flus kontanti mhux iddikjarati ġie offrut soluzzjoni barra l-qorti li aċċetta u ffirma għaliha, filwaqt li l-pulizija ġiet infurmata kif dovut dwar il-passiġġier li kien qed iġorr €38,331, li sussegwentement ġie arrestat. Tnediet investigazzjoni dwar dan l-aħħar każ.