Sostenn Lit-Tradizzjoni Tal-Banda: Ftehim Bejn Il-Kunsill Reġjonali Tan-Nofsinhar U S-soċjetajiet Mużikali Fl-Istess Reġjun

 Sostenn Lit-Tradizzjoni Tal-Banda: Ftehim Bejn Il-Kunsill Reġjonali Tan-Nofsinhar U S-soċjetajiet Mużikali Fl-Istess Reġjun

Il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar qed jirrikonoxxi l-impenn tal-każini tal-banda lejn is-socjetà b’iffirmar ta’ Memorandum of Understanding. Permezz ta’ dan il-ftehim, 17-il każin tal-banda ser jibbenefikaw minn finanzjament mill-Kunsill Reġjonali sabiex jorganizzaw attività mużikali fi żmien sena mill-iffirmar. Il-każini tal-banda ser jingħataw fondi addizzjonali jekk l-attività organizzata tkun ambjentalment sostenibbli.

Dan il-ftehim mistenni jissarraf f’tisħiħ tal-fergħa soċjo-kulturali permezz ta’ kunċerti u servizzi mużikali li joffru l-każini tal-banda fil-kommunitajiet tar-Reġjun.

“Minħabba l-pandemija f’dawn l-aħħar sentejn kellna nuqqas ta’ kunċerti mużikali organizzati mill-każini tal-banda u nifhem l-impatt negattiv li ħalliet il-pandemija fuq il-qagħda finanzjarja tal-każini,” qalet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Hija żiedet tgħid li grazzi għall-finanzjament mir-Reġjun, il-każini tal-banda ser jirċievu fondi li ser ikunu ta’ għajnuna sabiex jiġu organizzati attivitajiet mużikali li ser jitgawdew kemm mill-komunità tan-Nofsinhar, kif ukoll mit-turisti u mit-turisti lokali.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar Jesmond Aquilina qal li “r-Reġjun qiegħed jaħdem fuq inizjattivi oħra li ser ikunu ta’ benefiċċju għall-ħajja aħjar tar-residenti tar-Reġjun.” Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil l-Kumitati tas-Soċjetajiet Mużikali li pparteċipaw f’dan il-ftehim u jħares ’il quddiem għal aktar ħidma u koperazzjoni flimkien.

“Dejjem nisħaq fuq l-importanza li nkomplu niċċelebraw il-kultura tagħna u nippreservawha għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, għaliex wara kollox il-wirt kulturali Malti huwa parti mill-identità tagħna u huwa dak li jiddistingwina,” kkonkludiet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

L-iffirmar tal-MoU sar fil-bini tal-uffiċċju tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar fejn kien hemm preżenti s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar Philip Carabott, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali Mario Fava u s-17-il President tal-każini tal-banda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com