Suċċess Mit-Tribute Band Ta’ Queen B’Kunċert Mill-Isbaħ F’San Ġwann

 Suċċess Mit-Tribute Band Ta’ Queen B’Kunċert Mill-Isbaħ F’San Ġwann

Nħar il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju 2022 waħda mill-aktar tribute band popolari u rikonoxxuta tal-band Queen tellgħet spettaklu mill-isbaħ fil-qalba ta’ San Ġwann f’kunċert li għalih attendew għexieren ta’ Maltin u turisti.

Lejla spettakolari fejn spikkaw fost l-aktar kanzunetti popolari tal-band leġġendarja Queen bħal “We Are the Champions”, “A Kind of Magic”, “I Want it All”, fost l-oħrajn. Kunċert ta’ madwar satejn fejn indaqqu uħud fost l-ikbar suċċessi ta’ Freddie Mercury u l-band Brittanika, b’interpretazzjoni unika minn din it-tribute band.

Is-Sindku Trevor Fenech wera s-sodisfazzjon tiegħu li mhux biss l-impenn kulturali tal-Kunsill u l-għaqdiet fil-lokal qiegħed iħalli l-frott, iżda n-nies qedgħa tilqa’ bi ħġara dawn it-tip ta’ avveniment. Fenech spjega li dan l-avveniment mhux ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu u bħalissa l-Kunsill qiegħed jaħdem fuq avvenimenti oħra simieli sabiex ikompli joħloq attrazzjonijiet sbieħ f’San Ġwann.

Il-kantanta Hayley Azzopardi, li kienet finalista ta’ Mużika Mużika u l-mużiċista Kristy Spiteri li kienet waħda mill-finalisti tal-programm Brillanti taw prestazzjonijiet mill-isbaħ fil-bidu tal-kunċert bi preparazzjoni għall-band mistiedna.

Dan il-kunċert kien il-bidu ta’ ġimgħa attivitajiet b’rabta mal-Festa tal-Madonna tal-Lordes li din il-ġimgħa qedgħa tiġi iċċelebrata f’San Ġwann.

Il-kunċert ġie organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann bil-kollaborazzjoni ta’ Reġjun Tramuntana.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com