Teka Tal-Ostji Fost Affarijiet Misruqa Minn Raġel Ta’ 22 Sena

 Teka Tal-Ostji Fost Affarijiet Misruqa Minn Raġel Ta’ 22 Sena

Matul il-lejl li għadda, għal xi l-ħdax neqsin kwart, il-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun ġiet infurmata li hemm raġel suspettuż idur mal-karozzi pparkjati u qiegħed jipprova jisgasshom. Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post indikat iżda ma sabux lill-allegat suspettat.

Għaldaqstant, il-Pulizija bdiet mill-ewwel bit-tfittxija għal dan ir-raġel u meta kienu fi Triq Mile End, innutaw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat. Malli l-Pulizija avviċinawh, dan ħarab jiġri minn fuq il-post. Il-Pulizija ġrew warajh, sakemm laħquħ u ġie arrestat ftit ‘l bogħod. Waqt l-arrest ir-raġel ma bediex jikkopera u anke kien vjolenti fil-konfront tal-Pulizija tant li kkawża xi ġrieħi lil Kuntistabbli. Malli kien immanettjat, il-Pulizija għamlet tfittxija fuqu u nstabu teka tal-ostji, tliet mobiles u arloġġ, fost affarijiet oħra misruqa.

Ir-raġel, li aktar tard ġie indetifikat li huwa miċ-Chad u għandu 22 sena, ittieħed l-Għassa tal-Ħamrun u wara ġie eskortat lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Il-Kuntistabbli ngħata l-għajnuna medika f’ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

 

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com