39 Kunsill Lokali Jibbenefikaw Minn Fondi Għal Attivitajiet F’World Cleanup Day 2022
Fil-Ġnien taċ-Ċiniżi f’Santa Luċija tħabbru dettalji dwar inizjattiva mal-kunsilli lokali fl-okkażjoni ta’ World Cleanup Day li tiġi ċċelebrata kull sena f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Din is-sena din il-ġurnata ser tiġi ċċelebrata nhar is-Sibt, 17 ta’ Settembru.
39 kunsill lokali bbenefikaw minn fond ta’ madwar €97,000 sabiex jorganizzaw attivitajiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-fondi ġew iffinanzjati mid-Direttorat għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali wara li nħarġet sejħa għal applikazzjonijiet għall-kunsilli lokali u reġjonali.
Il-kunsilli lokali l-aktar li huma viċin tar-residenti. Għaldaqstant, l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li l-kunsilli jgħaqqdu l-komunitajiet rispettivi tagħhom sabiex isir tindif li permezz tiegħu l-lokalitajiet Maltin u Għawdxin jingħataw dehra aktar nadifa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li, “Permezz ta’ din l-inizjattiva ser inkunu qed niġġeneraw aktar għarfien u kuxjenza dwar il-ħtieġa li postijiet pubbliċi jinżammu ndaf filwaqt li nwasslu messaġġ lis-soċjetà li investiment fl-indafa huwa investiment f’saħħitna.”
Hija ħeġġet lill-kunsilli lokali biex jistiednu għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn fil-lokalità biex jingħaqdu flimkien għal dawn l-attivitajiet.
Id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Natalino Attard spjega li, “Din l-okkażjoni tista’ wkoll tkun waħda fejn il-kunsilli lokali jservu ta’ mezz fejn jinvolvu l-komunità kollha fl-attivitajiet li ser jorganizzaw.”
“Nawgura kull suċċess lill-kunsilli lokali fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi f’World Cleanup Day li se jwasslu għal ambjent aktar nadif fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom,” ikkonkludiet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.