79% Tal-Poplu Malti Kuntent Bis-Servizz Pubbliku

 79% Tal-Poplu Malti Kuntent Bis-Servizz Pubbliku

Erbgħa minn kull ħames ċittadini Maltin huma kuntenti bis-Servizz Pubbliku Malti. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, b’pajjiżna jikseb it-tielet post fl-Ewropa dwar il-kuntentizza fl-għoti tas-servizzi pubbliċi. 

Għall-mistoqsija ta’ kemm il-poplu Malti hu kuntent bil-provvista ta’ servizzi pubbliċi, 79% wieġbu li jinsabu kuntenti u s-servizzi qed jingħataw b’mod tajjeb. Dan hu 27% aktar mill-medja Ewropea.

Fl-istess stħarriġ, il-poplu Malti qal li jafda lis-Servizz Pubbliku 17% aktar mill-medja Ewropea. F’din il-klassifika dwar il-fiduċja fis-servizzi pubbliċi, Malta tinsab fir-raba’ post fl-Ewropa.

Is-Sur Tony Sultana, il-Kap tas-Servizz Pubbliku, qal li dawn ir-riżultati se jservu ta’ bażi minn fejn titkompla l-ħidma għal servizzi aħjar u aktar diġitalizzati. Dawn ir-riżultati jixhdu r-rieda tas-Servizz Pubbliku li jkompli jaġġorna ruħu u jibqa’ joffri servizzi tal-ogħla kwalità. Fl-istess waqt huma prova oħra ta’ kemm l-ogħla livelli ta’ governanza li jħaddan is-Servizz Pubbliku qed ikomplu jixprunaw iktar fiduċja mill-klijenti tiegħu.  

Il-Eurobarometer huwa stħarriġ li jsir mill-Kummissjoni Ewropea darbtejn fis-sena u jkejjel is-sentiment ta’ kull poplu Ewropew.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com