AQRA: L‑Omelija Tal‑Arċisqof F’Jum L‑Indipendenza 2022

 AQRA: L‑Omelija Tal‑Arċisqof F’Jum L‑Indipendenza 2022

UMILTÀ, SOLIDARJETÀ U ĦARSIEN

F’Jum l‑Indipendenza 2022 ippermettuli naqsam magħkom tliet ħsibijiet ispirati mill‑Kelma ta’ Alla li qrajna llum (Lq 14:1,7‑14). Fl‑Evanġelju meħud minn San Luqa, Ġesù jirrakkomanda lill‑mistednin biex ma jfittxux l‑aħjar postijiet mal‑mejda, imma jfittxu l‑post umli; imbagħad min stedinhom, ikun hu li jieħu ħsieb ir‑rikonoxximent soċjali u l‑eżaltazzjoni tagħhom.

Nidħlu fil‑politika b’umiltà

Din l‑istedina mhijiex biss stedina għal etikett formali u essenzjali ta’ korrettezza u korteżija imma hija wkoll tagħlima biex f’kulma nagħmlu, b’mod speċjali dak li hu servizz pubbliku, nevitaw il‑marda u l‑kankru tal‑‘arriviżmu’, jiġifieri li ninqdew bil‑politika biex naslu l‑ewwel u jkollna rikonoxximent u nistagħnew.

Nixtieq insellem lill‑ġenerazzjonijiet kbar ta’ Maltin u Għawdxin li fil‑politika taw servizz diżinteressat għall‑ġid komuni, jiġifieri taw servizz mingħajr ma ppretendew xejn lura. Jalla jkompli jkollna politiċi bħal dawn għaliex l‑indipendenza — li aħna akkwistajna fl‑1964 — irridu nħaddmuha b’sens kbir ta’ responsabbiltà, b’sens qawwi tal‑Istat u tal‑ħakma tad‑dritt, tal‑korrettezza, tal‑integrità, tal‑onestà, u fuq kollox tal‑irġulija.

Fil‑politika, wieħed malajr jitgħallem l‑umiltà għaliex kontinwament huwa msejjaħ iwieġeb għal kif iħaddem ir‑responsabbiltajiet tiegħu u jitgħallem ukoll jissottometti ruħu mhux biss għall‑iskrutinju tal‑poplu, imma kultant ukoll għall‑kritika ħarxa. Dan kollu, mingħajr ma trid, jagħmlek umli. L‑umiltà hija atteġġjament ta’ min fis‑servizz tiegħu lill‑poplu għandu realiżmu kbir, u fl‑istess ħin huwa kapaċi jagħmel kritika vera tiegħu nnifsu (awtokritika) mingħajr ħabi u mingħajr sens ta’ inferjorità. Jalla aħna lkoll nagħrfu li meta nikkritikaw lil xulxin, la għandna ninqdew bil‑kliem aħrax u lanqas b’modi li jweġġgħu d‑dinjità tal‑avversarji tagħna. Ilkoll nifhmu li l‑kritika distruttiva ma tkissirx biss lill‑individwi imma taf issir velenu fit‑tessut soċjali. Kemm tkun ħaġa sabiħa li fid‑djalogu demokratiku tagħna ma jkunx hemm biss spirtu ta’ patrijottiżmu veru imma jkun hemm ukoll is‑sens ta’ diċenza, ta’ mħabba, u ta’ karità: djalogu onest, sinċier u leali.

Ma nwebbsux qalbna

It‑tieni spunt li nieħu mill‑Kelma ta’ Ġesù li smajna llum hija l‑ħtieġa li n‑nazzjon tagħna  — li llum qed jiċċelebra t‑twelid tiegħu bħala stat sovran — ikun dejjem ibbażat fuq il‑prinċipju tas‑solidarjetà. Ġesù, fl‑Evanġelju, ifaħħar lil min juri l‑imħabba u l‑ospitalità tiegħu mingħajr ma jippretendi xejn lura. Aħna nirringrazzjaw lil Alla li fis‑soċjetà tagħna għandna spazju, riżorsi u rieda politika biex jinħadmu mezzi ta’ għajnuna għal min hu l‑iżjed fil‑bżonn. Dak li wara t‑Tieni Gwerra Dinjija beda jissejjaħ bħala l‑‘welfare state’, hija xi ħaġa li ta’ min jiżinha u japprezzaha.

Kif jgħallem il‑Papa Franġisku, ma nistgħux inħallu l‑ekonomija tieħu post il‑politika. Il‑politika għandha d‑dover li mhux biss tħaddem l‑ekonomija għall‑ġid komuni imma wkoll tikkoreġi l‑liġijiet tas‑suq, li ħafna drabi jafu jħallu lura lil min m’għandux mezzi jew inkella minħabba s‑sitwazzjoni ta’ żvantaġġ fiżiku personali, emottiv jew soċjali, ma jistax ikun parti mit‑tellieqa tas‑suq. Din is‑solidarjetà mhux biss għandha titħaddem fostna u bejnietna, imma anke ma’ ħutna li fil‑Mediterran iħabbtu fuq il‑bieb tal‑qalb tagħna. Aħna nistgħu ngħidu li ma nistgħux inġorru piż li huwa ħafna ikbar mir‑riżorsi tagħna imma dan ma jiġġustifikax li nwebbsu qalbna għal kull għajta ta’ għajnuna.

Nixtieq insellem lill‑Forzi Armati ta’ Malta għaliex naf li fl‑isforz tagħha u fir‑responsabbiltà internazzjonali ta’ pajjiż fiż‑żona ta’ tiftix u salvataġġ li tħaddan fil‑Mediterran ċentrali, tkun preżenza li fil‑mumenti ta’ emerġenza tagħti risposta effikaċi, serena u qawwija. Jalla tkun sinjal ta’ umanità biex ilkoll kemm aħna bħala bnedmin u bħala soċjetà tassew ċivili nkunu mezz ta’ għajnuna għal kull min jinsab tassew fil‑bżonn.

Nixtieq ukoll infaħħar u nirringrazzja lill‑Istat ta’ kulma jagħmel biex ikun ta’ sapport għal tant inizjattivi ta’ filantropija u ta’ impenn soċjali organizzati minn tant għaqdiet mhux governattivi. Dawn l‑inizjattivi jesprimu s‑sentiment ta’ impenn soċjali u ta’ solidarjetà diżinteressata li l‑Mulej ifaħħar fl‑Evanġelju tal‑lum.

Naħdmu favur il‑patrimonju tagħna

L‑aħħar ħsieb tiegħi llum huwa appell biex is‑sens ta’ servizz u s‑sens ta’ solidarjetà napplikawhom kontinwament ilkoll kemm aħna bħala membri tas‑soċjetà Maltija għall‑ambjent li, b’xi mod, huwa protagonist silenzjuż fil‑ħajja tagħna. L‑ambjent naturali huwa patrimonju li aħna rċivejna bħala don tal‑ħolqien u hu mogħti lilna b’responsabbiltà kbira. Dan il‑patrimonju huwa wkoll arkitettoniku, artistiku u anke tal‑pajsaġġ. Din is‑sbuħija, li tagħmel lill‑gżejjer tagħna ambjent straordinarjament imprezzabbli, irridu nieħdu ħsiebha b’impenn komuni u solidali. Irridu nibdew billi ninsew l‑interessi personali ta’ kull wieħed u kull waħda minna biex nifhmu li dawn ikunu verament imħarsa meta nieħdu ħsieb lil xulxin.

Filwaqt li inizjattivi biex jiżdied il‑ġid fil‑pajjiż huma importanti, huwa vitali li nkomplu nħarsu l‑wirt kulturali, arkitettoniku u naturali tagħna. Għandna d‑dmir li nagħmlu dan għall‑ġenerazzjonijiet futuri; imma nkunu wkoll bla viżjoni jekk ma nirrealizzawx li l‑ħarsien tal‑wirt tagħna huwa l‑akbar kontribut li nistgħu nagħtu biex inħarsu l‑ġid tagħna.

F’Jum l‑Indipendenza ta’ din is‑sena ma nistax ma nikkonkludix din l‑omelija mingħajr ma nsellem it‑tifkira tar‑Reġina Eliżabetta II, li fl‑1964 iffirmat il‑Letters Patent li taw l‑indipendenza lil gżiritna u li l‑poplu tagħna kien ilu jisħaq fuqha u li kien jistħoqqlu. Nitolbu biex id‑dinja tkun imbierka u mogħnija b’mexxejja li jagħtu xhieda sabiħa ta’ qadi, ta’ fedeltà, ta’ sens tal‑Istat, u ta’ lealtà.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com