”Beltin” – Rigal Mill-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta, Lill-Kapitali Tagħna

 ”Beltin” – Rigal Mill-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta, Lill-Kapitali Tagħna

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, nediet kanzunetta ddedikata lill-Beltin u lil dak kollu li hu Belti. Din il-kanzunetta bl-isem ta’ Beltin, ġiet miktuba minn George Peresso, b’kompożizzjoni ta’ Ludwig Galea u b’arranġament mużikali ta’ Sean Vella, hija kantata minn Mary Spiteri u Ludwig Galea.

Beltin hija riflessjoni tal-pjan u l-ħajja storika tal-Belt Valletta. Din il-kanzunetta fil-fatt titkellem dwar il-kobor ta’ din il-belt unika, li ġiet imfassla mill-Gran Mastru Jean Parisot De Valette u hija sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO u nbiet taħt l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Beltin titkellem fost l-oħrajn dwar l-aspetti ewlenin li jsawruha u anki dwar it-tiġrif tal-Belt Valletta fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-reżistenza u l-perseveranza tagħha.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li Beltin hija tislima u apprezzament għan-nies kollha li sawru din il-Belt. Beltin hija riflessjoni tal-karattru, tal-kulur, tal-entużjażmu u tal-enerġija tan-nies tagħha kemm tal-bieraħ kif ukoll tal-lum. Wara kollox, huma ċ-ċittadini Beltin li żammewha ħajja tul dawn is-snin kollha. Jason Micallef għalaq billi tenna li Beltin hija rigal mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta lill-Beltin u hija kanzunetta li se tibqa’ assoċjata mal-Belt Valletta għaliex fiha hemm mistura l-aspetti kollha li jagħmluha unika.

Tista’ tisma’ din il-kanzunetta u tara anki l-filmat tagħha hawn:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com