Caravaggio The Musical – L-Ewwel Produzzjoni Oriġinali Ta’ Dar Il-Mediterran
L-isem sħiħ huwa Caravaggio The Musical – The Rise and Fall of a Tormented Genius fejn din se tkun
l-ewwel produzzjoni oriġinali ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), b’mużika miktuba mill-Maestro Paul Abela, storja u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, koreografija ta’ Felix Busuttil, u direzzjoni ta’ Malcolm Galea
Tibda tintwera lill-pubbliku min-nhar it-Tlieta 20 sal-Ħadd 25 ta’ Settembru 2022 f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Sinopsi:
Caravaggio the Musical – The Rise and Fall of a Tormented Genius huwa musical oriġinali ġdid li jirrakkonta l-istorja tal-artist Michelangelo Merisi, magħruf aħjar bħala Caravaggio. Dan il-pittur kiseb fama kbira kemm għall-kapolavuri tiegħu fl-istil chiaroscuro, kif ukoll għall-personalità vjolenti tiegħu. Caravaggio huwa wieħed mill-aktar artisti magħrufin fid-dinja, u l-aktar xogħol importanti tiegħu kien il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann li jinsab fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-qalba tal-belt Valletta, li jitqies bħala teżor dinji imprezzabbli.
Imwieled qrib Milan fl-1571, id-drama u l-kuntrasti li wieħed isib fil-pitturi tiegħu jistgħu jitqabblu sew mal-ħajja kkulurita tiegħu. Caravaggio The Musical, sottotitolat The Rise and Fall of a Tormented Genius, jitfa’ d-dawl fuq it-talent uniku u storiku ta’ dan l-artist, iżda wkoll fuq l-aspetti aktar oskuri tal-karattru tiegħu. Caravaggio kien kostantement ixellef difru mal-liġi u jidħol fi ġlied ma’ kulħadd. Dan kollu tebba’ l-karriera artistika tiegħu, u ġiegħlu jaħrab mit-taħwid li dejjem ħalla warajh f’kull belt li għex fiha.
Il-karattru ta’ Caravaggio se jkun interpretat mill-attur ibbażat ġewwa Londra Cameron Walker-Pow, li ġie jgħix fuq gżiritna għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat speċifikament għal din il-produzzjoni. Il-kast jinkludi wħud mill-aktar vuċijiet rikonoxxibbli ta’ Malta bħal Roger Tirazona, Lawrence Gray u Neville Refalo, filwaqt li talenti bħal Talitha Dimech, Kateriana Fenech, Ryan Grech, Louis Cassar u Bettina Zammit jikkompletaw il-kast. Dan l-ispettaklu ta’ dwal, żfin u mużika għandu xenarju inkredibbli ddisinjat minn Romualdo Moretti u kostumi ta’ Giulia Orsi.
B’kompożizzjoni tal-Maestro Paul Abela, storja u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, u direzzjoni ta’ Malcolm Galea, il-musical jinkludi taħlita ta’ talenti lokali u internazzjonali stabbiliti. Caravaggio The Musical se joffri spettaklu li bla dubju se jkun eċitanti daqs il-ħajja tal-protagonist innifsu.
Kif tiżvolġi l-istorja:
Fis-sena 1592, Michelangelo Merisi da Caravaggio jerħilha lejn Ruma, armat biss bil-pniezel tiegħu, ix-xabla u moħħ mimli ħolm u xjaten. Il-ħila kbira tiegħu bħala pittur twassal biex il-Kardinal Del Monte joffrilu l-protezzjoni tiegħu billi jikkummissjonalu l-pitturi, filwaqt li bil-personalità passjonali tiegħu jagħmel kemm ħbieb kif ukoll għedewwa. Iżda s-suċċessi jibdew ġejjin wieħed wara l-ieħor, u ismu ma jdumx ma jsir sinonimu mal-aqwa pitturi li jżejnu l-altarijiet madwar Ruma kollha. Minkejja dan, mhux kollox jimxi ħarir għall-pittur, għax l-għedewwa tiegħu jikkomplottaw kontrih u hu jaqa’ għal-lixka. Jidħol għal dwell li jispiċċa f’mewta, u sal-1606 Caravaggio jkollu jaħrab minn Ruma għax ikun imfittex mil-liġi bi premju għal min jaqbdu.
Wara waqfa qasira u paranojka ġewwa Napli, Michele jiddeċiedi li jitlaq mill-Italja għalkollox u fl-1607 ibaħħar lejn in-Nofsinhar u jerħilha lejn Malta. Huwa determinat li jerġa’ jibda ħajtu mill-ġdid u l-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann joffrilu l-protezzjoni tiegħu u ħajja ġdida jekk huwa jpitter xogħlijiet biex isebbħu l-knejjes tal-belt il-ġdida. Madankollu, il-karattru ġelliedi tiegħu ma nbidilx, u Caravaggio jerġa’ jidħol fl-istess inkwiet ma’ protagonisti differenti, biex b’hekk, qabel ma temm sena sħiħa ġewwa pajjiżna, kellu jerġa’ jaħrab qabel ma joqtluh.
Huwa ħarab lejn Sqallija u Napli, u l-unika tama li baqgħatlu kienet li jingħata l-maħfra għas-sentenza tal-mewt li kienet inħarġet kontrih biex ikun jista’ jirritorna Ruma. Madankollu Caravaggio kien jaf li minkejja r-rieda tiegħu li jinbidel u jaqleb folja ġdida, huwa qatt ma seta’ jaħrab mill-għadu veru tiegħu.
KAST:
MICHELE (Caravaggio) – Cameron Walker-Pow
LENA / TIBERIA – Talitha Dimech
BAGLIONE / RODOMONTE – Roger Tirazona
DEL MONTE / WIGNACOURT – Lawrence Gray
CHIARO – Kateriana Fenech
SCURO – Neville Refalo
FILLIDE / CARULINA – Bettina Zammit
RANUCCIO – Louis Andrew Cassar
MINNITI – Ryan Grech
ŻEFFIENA:
The YADA Dance Company
Biljetti jinkisbu minn: https://www.showshappening.com/mcc/Caravaggio-The-Musical
Titilfux din l-opportunità ta’ spettaklu mill-iprem b’ħarsa lura fl-istorja tal-arti b’rabta ma’ pajjiżna.