Esploranauts… Opportunità Għat-Tfal Biex Jesploraw Id-Dinja Tax-Xjenza B’Mod Differenti!

 Esploranauts… Opportunità Għat-Tfal Biex Jesploraw Id-Dinja Tax-Xjenza B’Mod Differenti!

Id-dinja tax-xjenza taf tkun meraviljuża meta tħares lejha minn lenti differenti. Ħafna mill-affarijiet li nagħmlu ta’ kuljum, anke sempliċiment naħslu jdejna bis-sapun kif ukoll l-oġġetti li nixtru u nużaw, imissu ma’ xi aspett xjentifiku. Esploranauts huwa klabb ġdid għal tfal bejn il-5 u l-10 snin, li hu introdott miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, bl-għan ewlieni li jinkoraġġixi lit-tfal ikunu kurjużi, jistaqsu u jiżviluppaw l-immaġinazzjoni u l-mod ta’ kif jaħsbu.

Esploranauts se jintroduċi lit-tfal f’oqsma varji tax-xjenza u saħansitra jurihom professjonijiet marbuta mal-oqsma STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) li forsi jaspiraw li jaħdmu fihom. F’dan il-klabb, it-tfal għandhom l-opportunità li jiskopru fatti xjentifiċi differenti, jesploraw sezzjonijiet tax-xjenza interessanti ħafna u jwettqu esperimenti u attivitajiet oħra fil-kumdità ta’ darhom.

Dan il-klabb esklussiv mhuwiex biss għal tfal li jħobbu x-xjenza u li xi darba jixtiequ jaħdmu f’wieħed mis-setturi xjentifiċi, iżda anke għal dawk li jixtiequ jiskopru kif taħdem id-dinja ta’ madwarhom. Fost diversi benefiċċji oħra, il-membri ta’ dan il-klabb se jkollhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet u avvenimenti esklussivi mtella’ miċ-ċentru interattiv!

Benefiċċji oħra jinkludu karta ta’ sħubija uffiċjali u t-shirt oriġinali tal-klabb, rivista mimlija artikli interessanti li toħroġ kull tliet xhur, ktieb uffiċjali esklussiv b’informazzjoni dwar iċ-ċentru u benefiċċji oħra bħal skonti mill-EsploraShop. Il-membri ta’ Esploranauts se jingħataw ukoll l-opportunità li jiġu mistiedna sabiex jaraw xows tax-xjenza, workshops jew films tal-Planetarium ġodda, li jkunu addattati għall-età tagħhom. Dan isir permezz ta’ invit minn Esplora u l-parteċipanti jintgħażlu fuq bażi ta’ min jibbukkja l-ewwel, jinqeda l-ewwel.

Sħubija għal sena f’Esploranauts tiswa €15.

Għal aktar informazzjoni u biex tapplika għal dan il-klabb żur il-paġna ta’ Esploranauts fuq is-sit eletronniku ta’ Esplora: https://esplora.org.mt/esploranauts/?lang=mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com