Il-Film Carmen Se Jiddebutta Lokalment Wara Suċċess F’Bosta Festivals Internazzjonali

 Il-Film Carmen Se Jiddebutta Lokalment Wara Suċċess F’Bosta Festivals Internazzjonali

Il-film Carmen, ta’ Falkun Films u Aiken Heart Films se jasal fis-swali taċ-ċinema lokali din il-ġimgħa, wara sensiela ta’ wirjiet ta’ suċċess fiċ-ċirku tal-festivals internazzjonali. Fost dawn kien hemm il-parteċipazzjoni tal-film fil-Canadian Film Fest, fejn rebaħ il-premju għall-aqwa Feature.

Carmen se joħroġ l-ewwel f’Għawdex, fil-21 ta’ Settembru fiċ-ċinema Citadel. Il-premiere Maltija tiġi ftit wara, fit-30 ta’ Settembru, fl-EDEN Cinemas, u mbagħad joħroġ minn nhar l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru, fl-EDEN ukoll.

Carmen hija storja ħelwa ispirata minn ġrajjiet li seħħew tassew. Ir-rakkont huwa ambjentat f’raħal f’Malta, fejn Carmen (parti maħduma minn Natascha McElhone – The Truman Show; Designated Survivor) ilha tieħu ħsieb lil ħuha, il-qassis tal-parroċċa lokali, sa minn meta kellha 16-il sena. Issa li għandha kważi 50 sena, f’daqqa waħda ssib ruħha waħedha u trid tara kif tagħmel biex tibda ħajjitha mill-ġdid. Filwaqt li taffaċċja l-passat, Carmen tagħti l-kulur lill-villaġġ tagħha, f’din l-istorja mqanqla dwar mara li qed issib leħinha.

“Carmen huwa l-qawmien sesswali, spiritwali u neċessarju ta’ mara li tant għandha xi tgħid li kapaċi ddoqq il-qniepen kollha ta’ Malta bi tnehida waħda,” qalet id-Direttur Maltija-Kanadiża tal-film Valerie Buhagiar. “Ħafna nisa bħalha ġew imsikkta u mġiegħla jrażżnu l-entużjażmu tagħhom. Dan il-film huwa għan-nisa kollha li batew din it-tradizzjoni taħt idejn il-patrijarkija.”

Il-film inġibed kollu kemm hu f’Malta u Għawdex, bis-sehem tal-atturi Maltin Michela Farrugia, Peter Galea u Pauline Fenech, flimkien ma’ McElhone. L-ensemble estensiv jinkludi wkoll lil Henry Zammit Cordina, Paul Portelli, Rachel Fabri, Mikhail Basmadjian, Paul Cilia, Andre Agius, u Chakib Zidi f’partijiet sekondarji.

“Kien vjaġġ twil ħafna, iżda ninsabu fuq ix-xwiek issa li sa fl-aħħar nistgħu naqsmuh mal-pubbliku, flimkien mal-kast u l-crew eċċezzjonali li taw sehemhom sabiex seta’ jsir dan il-film,” qalu Pierre Ellul u Anika Psaila Savona ta’ Falkun Films. “Mit-tmiem tal-filming ‘l hawn, għaddejna minn perjodu twil ta’ ħidma bla waqfien sabiex il-film inwassluh lill-pubbliku.

“Nittamaw bis-sħiħ li Carmen jogħġob lill-udjenzi Maltin u Għawdxin daqskemm intgħoġob fil-Kanada. Inħossuna bħallikieku qed inħallu t-tarbija tagħna toħroġ barra fid-dinja, però qisha ġejja lura d-dar fl-istess ħin – allura għandna qalbna ttaqtaq imma eċitati immens!”

Bħalissa Carmen qed jintwera għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin fiċ-ċinema Citadel f’Għawdex. Jekk jogħġbok żur https://citadelcinema.com/ għal aktar informazzjoni u biljetti. EDEN Cinemas se jtellgħu premiere fit-30 ta’ Settembru, u mbagħad il-film jibda jintwera mill-Erbgħa 5 ta’ Ottubru. Għal informazzjoni dwar il-biljetti tal-premiere u tal-wirjiet tal-film fiċ-ċinema, żur www.edencinemas.com.mt/

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com