Il-Parlament Nazzjonali Taż-Żgħażagħ 2022 Jiddiskuti Proposta Biex L-Abort Ma Jibqax Att Kriminali F’Pajjiżna

 Il-Parlament Nazzjonali Taż-Żgħażagħ 2022 Jiddiskuti Proposta Biex L-Abort Ma Jibqax Att Kriminali F’Pajjiżna

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa laqgħa tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn dawk preżenti ddiskutew proposta biex l-abort ma jibqax att kriminali f’pajjiżna. Din il-laqgħa saret b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker tkellem dwar il-prinċipji u l-valuri għonja u tajba li għandhom iħaddnu persuni impenjati fil-ħajja pubblika. Huma għandhom (a) jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna umana; (b) iħobbu lill-proxxmu, partikularment, ma’ persuni vulnerabbli, ma’ persuni f’diffikultà, il-fqar u ż-żgħar, espressa b’għemejjel ta’ karità u ta’ solidarjetà u ġustizzja umana; (c) iħaddnu l-kunċett ta’ demokrazija parlamentari rappreżentattiva u l-parteċipazzjoni mill-aktar wiesgħa tal-pubbliku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-pajjiż; (d) jiżguraw tmexxija u treġija tajba tar-riżorsi disponibbli fil-pajjiż, inklużi dawk umani, biex ikun żgurat żvilupp uman sostenibbli biex dawk li waqgħu lura fis-soċjetà jkunu megħjuna biex jgħixu ħajja tajba u dinjituża; (e) iħobbu lil pajjiżhom, lil-lingwa u lill-kultura Maltija; u (f) iħabirku biex l-ambjent, il-pajsaġġ naturali u l-patrimonju storiku ta’ Malta jkunu mħarsa.

L-Ispeaker iqis il-Parlament taż-Żgħażagħ bħala lok fejn temi ta’ importanza nazzjonali jkunu diskussi. B’hekk wieħed jista’ jqis dan il-parlament bħala forma ta’ djalogu informali u proċess ta’ konsultazzjoni bejn iż-żgħażagħ u l-membri tal-parlament.

L-Ispeaker irrefera għal figuri ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) li juru li ta’ kull sena qed isiru madwar 73 miljun abort fid-dinja. Dan minkejja li kull persuna għandha d-dritt għal ħajja, kif preskritt mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u trattati internazzjonali oħra. Id-dritt tal-ħajja umana hu sagrosant u assolut. Hu fakkar li ftit snin wara t-Tieni Gwerra Dinija, il-komunità internazzjonali għarfet il-bżonn li tħares lill-ulied u lill-ommijiet u anke l-istituzzjoni tal-familja.

“Hu fl-interess tal-umanità li dawk kollha fil-poter għandhom id-dover li jħarsu l-ħajja umana. Anzi għandhom iħabirku biex il-bnedmin kollha, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli jew li għandhom bżonn l-għajnuna tagħhom din tingħatalhom u tkun anke mħarsa”. Saħaq dwar id-dmir tal-awtoritajiet li jħarsu lill-familja, b’mod partikolari lill-ommijiet fit-tifsira wiesgħa tagħha, li tinkludi dawk li fi ħdanhom għandhom tarbija u t-tfal tagħhom minn kull dannu, inkluża vjolenza.  “M’aħniex nitfixklu jew ikollna dubji dwar il-ħajja fi ħdan l-omm. Ix-xjenza turina li l-ħajja umana tibda mit-tnissil tagħha jew mill-konċepiment. Għaldaqstant, l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jħarsu lill-ħajja umana minn dak l-istadju hekk bikri u aktar meta m’hemmx periklu għall-ħajja tal-omm”.

L-Ispeaker faħħar il-ħidma tal-entitajiet tal-Knisja f’Malta b’risq il-familja u ma’ ommijiet li qed isibu diffiċli ż-żmien tat-tqala tagħhom. Din l-opra ta’ mħabba Nisranija tkopri ż-żmien kemm tat-tqala iżda wkoll wara t-trobbija tal-ulied.

Matul il-laqgħa tal-Parlament taż-Żgħażagħ taw sehemhom Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza; Bernice Bonello u Stephen Spiteri, Membri Parlamentari.

Ritratti (SPK)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com