Il-PM Iżur Żewġ Kumpaniji Tal-iGaming Li Kabbru U Kkonsolidaw L-Operat Tagħhom
Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ kumpaniji tal-iGaming li ilhom jinvestu f’pajjiżna għal mill-inqas tmien snin. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru nnota l-importanza tal-industrija tal-iGaming f’pajjiżna u l-innovazzjoni li ġġib magħha.
Fil-binja tal-kumpanija Flutter fi Spinola Park, il-Prim Ministru nnota li hemm mad-disa’ mitt ħaddiem li timpjega l-kumpanija, fosthom Maltin, u rrimarka għall-fatt li Flutter qed tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija u espandiet l-operat tagħha f’pajjiżna. Flutter, kumpanija internazzjonali, għandha numru ta’ kumpaniji sussidjarji fosthom PaddyPower u Betfair. Waqt iż-żjara, il-Kap tal-Operat ta’ PaddyPower u Betfair, Jeff Power sostna li f’Malta sab kwalità fis-settur tax-xogħol. Jeff Power spjega inizjattivi differenti li Flutter tieħu b’risq il-komunitajiet f’pajjiżna fosthom xogħol volontarju mwettaq mill-ħaddiema tal-kumpanija u anke kif jippromwovu l-ugwaljanza u d-diversità fuq il-post tax-xogħol.
Fi żjara oħra li għamel il-Prim Ministru, iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Evolution fl-Imrieħel u rrimarka li pajjiżna jrid ikompli joħloq iżjed impjiegi ta’ kwalità. Fuq medda ta’ erba’ snin, Evolution triplat in-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna biex illum tħaddem elf u tliet mitt persuna, terz minnhom huma Maltin. Il-kumpanija tipprovdi l-prodott ta’ online casino u hi mferrxa f’aktar minn erbgħin post madwar id-dinja. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Evolution Global Martin Carlesund spjega lill-Prim Ministru l-kumplessità tat-teknoloġija mħaddma biex tipprovdi prodott ta’ kwalità lill-klijenti ta’ Evolution. Martin Carlesund sostna li għan-negozju, Malta hija post eċċellenti.
Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-andament pożittiv tal-kumpaniji. Sostna li din l-industrija qed tkompli tissaħħaħ frott anke l-fiduċja murija f’pajjiżna minn kumpaniji internazzjonali kbar li mhux biss qed jagħżlu jinvestu f’Malta iżda saħansitra qed ikabbru l-operat. Il-Prim Ministru saħaq li quddiem il-fiduċja murija għandna nkomplu ninċentivaw filwaqt li nibqgħu effettivi b’qafas regolatorju li jagħmel lil pajjiżna ġurisdizzjoni serja f’industrija tant importanti.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żewġ żjarat kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri.