Il-President George Vella Jniedi L-Laqgħa Tal-Grupp Arraiolos Li Se Ssir Fis-6 Ta’ Ottubru 2022

 Il-President George Vella Jniedi L-Laqgħa Tal-Grupp Arraiolos Li Se Ssir Fis-6 Ta’ Ottubru 2022

Il-President ta’ Malta George Vella nieda uffiċjalment is-17-il Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-‘Grupp Arraiolos’, li se ssir fis-6 ta’ Ottubru 2022.

Il-President Vella qal li għal din il-laqgħa se jattendu l-presidenti ta’ 13-il pajjiż: il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Italja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u għall-ewwel darba se tingħaqad magħhom il-President tas-Slovakkja, Zuzana Čaputová.

Il-Grupp Arraiolos se jitlaqqa’ f’Malta wara li fl-aħħar laqgħa li saret f’Ruma f’Settembru tal-2021, il-President tal-Italja, Sergio Mattarella, stieden lil Malta biex tospita l-laqgħa li jmiss, stedina li ntlaqgħet b’mod unanimu mill-presidenti l-oħrajn.

Il-laqgħa f’Malta se tikkonsisti f’żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda filwaqt li fi tmiem it-tieni sessjoni se ssir konferenza tal-aħbarijiet konġunta mill-kapijiet ta’ stat kollha f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.

Il-President Vella qal li l-presidenti se jiddiskutu kwistjonijiet globali urġenti bħas-sigurtà u l-instabbiltà fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-UE, ir-rwol u r-rilevanza tal-UE fid-dinja u kif l-UE tista’ tikkontribwixxi biex jingħelbu inġustizzji soċjali dinjija bħall-ġuħ fl-Afrika u l-aċċess għas-saħħa u għall-edukazzjoni.

Qal ukoll li l-gwerra fl-Ukrajna u l-instabbiltà kontinwa fil-Mediterran se jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħa.

Il-Grupp Arraiolos beda jitlaqqa’ fl-2003 fil-lokalità Arraiolos fil-Portugall bis-sehem ta’ sitt presidenti li kienu ddiskutew it-tħejjijiet għat-tkabbir tal-UE u d-diskussjonijiet relatati mal-Kostituzzjoni għall-Ewropa.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca kienet ġiet mistiedna tattendi l-laqgħa tal-2015 fil-Ġermanja. Fl-2017, il-laqgħa saret għall-ewwel darba f’Malta.

Il-President George Vella attenda l-laqgħat tal-Grupp Arraiolos li saru f’Ateni fl-2019 u f’Ruma fl-2021. Fiż-żewġ okkażjonijiet, kien sodisfatt ħafna bid-diskussjoni ħielsa u informattiva ħafna bejn il-presidenti fuq sfidi reġjonali u dinjija li qed jaffettwaw lill-popli li jirrappreżentaw.

Waqt il-laqgħa f’Malta, is-Sinjura Miriam Vella se tkun qed tilqa’ lis-sħab tal-presidenti fi programm separat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com