Illum, L-Istazzjonijiet Politiċi Jibdew Bi Skedi Ġodda

 Illum, L-Istazzjonijiet Politiċi Jibdew Bi Skedi Ġodda

Illum jibdew l-iskedi tal-istazzjonijiet televiżivi tal-Partiti. Kemm ONE kif ukoll NET mil-lum jibdew b’numru ta’ programmi ġodda u oħrajn popolari fi sfond ta’ sfidi kbar li ż-żewġ stazzjonijiet qed jaffaċċaw. L-akbar sfida tibqa’ dik finanzjarja filwaqt li anke l-kontenut u l-kwalita’ ta’ ċertu produzzjonijiet jibqgħu sfida biex titella’ skeda ta’ siegħat twal ta’ xandir.

Il-bulletini tal-aħbarijiet taż-żewġ stazzjonijiet politiċi jibqgħu fis-7:30pm filwaqt li ser jissoktaw il-programmi politiċi ta’ kuljum Pjazza fuq ONE u Net Live fuq NET. F’din l-iskeda l-ebda stazzjon politiku m’hu ser joffri ‘breakfast show‘ lis-segwaċi tiegħu, bl-iskeda ta’ NET tibda wara nofsinhar bil-programm magazine ta’ kuljum Bejnietna ppreżentat minn Stephanie Chircop, filwaqt li l-iskeda ta’ ONE tibda b’mod dirett fl-10am bil-programm ġdid ta’ filgħodu Fost il-Ġimgħa ppreżentat minn Matilde Balzan li ser tagħmel ir-ritorn tagħha fuq dan l-istazzjon.

Numru ta’ programm popolari u li diġa’ għandhom issem u li issa saru regolari, ser jissoktaw fuq iż-żewġ stazzjonijiet, filwaqt li wara seba’ snin ser naraw in-nuqqas tal-programm The Entertainers li kien jixxandar is-Sibt filgħaxija fuq NET u l-programm ta’ filgħodu Espresso fuq ONE.

Kuntrarju ta’ skedi passatti, iż-żewġ stazzjonijiet m’humiex ser joffru għażla ta’ diversi drama matul il-ġimgħa, hekk kif ħafna produzzjonijiet tad-drama lokali mexxew ix-xogħol tagħhom għal fuq GO. Infatti, ONE ser jippreżenta biss Jackpot 4 l-Erbgħa filgħaxija u ċ-Ċavetta ta’ Pandora l-Ġimgħa filgħaxija, filwaqt li NET ser iwassal drama waħda t-Tnejn filgħaxija, Ulied il-lejl.

Mil-lum ukoll, iż-żewġ stazzjonijiet politiċi tar-radju ONE RADIO u NET FM jibdew bl-iskedi tal-ħarifa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com