Inawgurata Klinika Ġdida Privata Tal-Fertilità
Klinika ġdida privata tal-fertilità – HOPE Clinic – li qed toffri servizzi ta’ prokreazzjoni assistita lill-klijenti Maltin u barranin ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Chris Fearne stqarr li bħalissa qed jiġu ffinalizzati t-tenders neċessarji sabiex l-Isptar Mater Dei jakkwista t-teknoloġija neċessarja sabiex ikun offrut is-servizz tal-PGTM fejn indikat, bla ħlas, li sar possibbli permezz tal-emendi fil-liġi tal-IVF iktar kmieni din is-sena – dan filwaqt li qegħdin jitħarrġu l-professjonisti li se jkunu qegħdin jagħtu dan is-servizz. L-investiment dirett barrani ta’ madwar €1 miljun minn HOPE Clinic ikompli jsaħħaħ il-qasam tal-life sciences f’pajjiżna fejn Malta Enterprise qed tkompli tattira l-investiment.
“Is-settur tal-life sciences huwa settur reżiljenti li jkompli jirreġistra tkabbir. Fix-xhur li għaddew, l-investiment f’dan is-settur mill-manifattura, faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp, u startups, qabeż it-€80 miljun. Dan l-investiment kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Malta Enterprise li qed taħdem favur niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma huma l-biopharms u t-teknoloġija tal-life sciences”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.