It-Tieni Edizzjoni Tal-Festival Tal-Baned

 It-Tieni Edizzjoni Tal-Festival Tal-Baned

Il-Festival Nazzjonali tal-Baned ser jerġa’ jirritorna bit-tieni edizzjoni tiegħu. Dan il-festival huwa organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera, flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Dan il-festival ser ikun qed jittella’ fuq erbat ijiem, f’postijiet differenti fil-Kottonera, bil-kunċerti kollha jibdew fis-7.30p.m.

Dan il-festival ser ikun qed jara l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-baned:

Data tal-Kunċert, Banda, Post:
23.09.2022 Banda San Lawrenz – Birgu Xgħajra ta’ Bormla
24.09.2022 Banda Nicolo’ Isouard – Mosta Pjazza Sagra Familja – Kalkara
30.09.2022 Banda L’Isle Adam – Rabat Ponta tal-Isla
14.10.2022 Banda Beland – Żejtun Couvre Porte, il-Birgu

Flimkien ma’ dan il-festival ġiet imnedija għal darb’oħra sejħa għall-kompożituri Maltin, sabiex jissottomettu kompożizzjonijiet oriġinali għall-banda b’tema dwar il-Kottonera. Għas-sejħa ta’ din is-sena daħlu ‘l fuq minn 15-il kompożizzjoni li ġew sottomessi lil ġurija internazzjonali għall-aġġudikazzjoni tagħha. Tliet (3) kompożizzjonijiet laħqu l-livell meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jindaqqu waqt il-Festival tal-Baned u aktar tard matul is-sena jiġu rrekordjati b’mod professjonali, dawn huma:

Under Siege – Kompożizzjoni ta’ Tano Monsigneur. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda San Lawrenz nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2022.
Magnum Portum – Kompożizzjoni tal-mużiċist żagħżugħ Luke Vella. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda Nicolo’ Isouard nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru 2022.
Harbour Blues – Kompożizzjoni ta’ Twanny Borg. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita fl- għeluq tal-festival nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2022, mill-Banda Beland.

Ta’ min isemmi li s-silta Harbour Blues ġiet magħżula mil-Ġurija Internazzjonali sabiex fis-sajf 2023 tkun esegwita f’Firenze mill-Banda Filarmonica “G. Rossini” waqt il-festival Maggio Fiorentino u f’Valenżja waqt Festival Internazzjonali.

Din kienet inizjattiva mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda b’appoġġ sħiħ mill-Fondazzjoni Kottonera. Il-Fondazzjoni Kottonera flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda jifirħu u jawguraw lis-Sur Twanny Borg għal din il-kisba mużikali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com