Jitnieda L-Ewwel Simpożju Nazzjonali – “L-Istat tal-Arti”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-ewwel simpożju nazzjonali bl-isem “L-Istat tal-Arti”, li se jsir fis-26 u s-27 ta’ Ottubru, fil-Valletta Campus Theatre fl-Università ta’ Malta. Is-simpożju se janalizza s-settur artistiku ta’ Malta u jiddiskuti kwistjonijiet li jiffaċċjaw l-artisti u l-prattikanti kreattivi, fid-dawl tal-isfidi lokali u globali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li din hija wegħda oħra elettorali li qed titwettaq u tirrifletti l-viżjoni tal-gvern għas-settur artistiku ta’ Malta bħala pilastru importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.
Owen Bonnici saħaq li din se tkun okkażjoni biex jissaħħaħ aktar id-djalogu ħaj fost il-partijiet interessati kollha li huma involuti f’dan is-settur.
Is-simpożju se jesplora diversi temi deskritti fl-Istrateġija 2025, li kienet ippubblikata riċentement, fosthom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti, il-libertà u l-espressjoni artistika, l-arti u l-iżvilupp sostenibbli, u d-drittijiet kulturali, fost oħrajn. Waqt is-simpożju se jsiru għadd ta’ panel discussions, workshops u opportunitajiet ta’ networking ma’ artisti internazzjonali u lokali.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi sostniet li “Dan is-simpożju huwa opportunità unika għalina biex neżaminaw b’mod kritiku s-setturi artistiċi f’Malta, partikolarment fid-dawl tar-realtajiet globali ta’ sfida li inevitabbilment isawru l-prattika artistika f’Malta. Dan huwa partikolarment pertinenti fid-dawl tat-tnedija riċenti tal-Istrateġija 2025, li tistabbilixxi l-viżjoni u l-prijoritajiet strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-snin li ġejjin.”
Waqt is-simpożju, kelliema ewlenin se jinkludu lill-Professur Milena Dragićević Šešić, Shain Shapiro u Sara Whyatt.
Ir-reġistrazzjonijiet għas-simpożju huma miftuħa u dawk li huma interessati li jattendu jistgħu jirreġistraw fuq maltaartssymposium.com. Rati mnaqqsa huma disponibbli għal studenti, adulti anzjani, u rappreżentanti minn NGOs u organizzazzjonijiet volontarji. Aktar informazzjoni dwar is-simpożju, inkluż il-programm sħiħ, huma disponibbli fuq maltaartssymposium.com.