Jum Storiku Għal Għawdex – Tiġi Iċċelebrata L-Ewwel Pride March
F’Għawdex ġiet iċċelebrata l-ewwel Pride March b’inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “Sena ilu konna hawn sabiex ninawguraw l-uffiċċju l-ġdid li l-Ministeru għal Għawdex għadda lill-organizzazzjoni LGBTI+ Gozo. Dak il-pass, fih innifsu, kien importanti, li niftħu l-Qawsalla Hub fiċ-Ċentru tal-Belt Kapitali Għawdxija biswit il-Ministeru għal Għawdex. Dak kien messaġġ li aħna verament nemmnu fl-ugwaljanza, fir-rappreżentazzjoni u fid-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. Sena wara li ftaħna l-Qawsalla Hub, flimkien ktibna l-istorja bl-ewwel Pride March li qatt saret f’Għawdex. Għawdex, li għadda messaġġ favur soċjetà aktar miftuħa u inklużiva.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li jħares ‘il quddiem għal aktar ħidma mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg kif ukoll bħala gvern kollettiv sabiex nibqgħu nkunu tal-ewwel fost il-pajjiżi l-oħra fejn jidħlu drittijiet u ugwaljanza.
Fid-diskors tagħha waqt il-Pride March, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg laqgħet il-parteċipazzjoni ta’ bosta attivisti li nġabru flimkien għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ mħabba u libertà. “Il-parteċipazzjoni tagħna llum qed tibgħat messaġġ b’saħħtu, li filwaqt li nirrikonoxxu l-avvanzi kbar li għamilna, kommessi li nkomplu nsaħħu u nintroduċu aktar drittijiet ċivili. Nemmen li parti kbira mis-suċċess li sar f’dawn l-aħħar snin kien dovut għall-fatt li kull abbozz sar b’konsultazzjoni magħkom, is-soċjetà ċivili, u hekk se jkompli jsir fis-snin li ġejjin. Għalhekk fix-xhur li ġejjin ser inkunu qed naħdmu fuq it-tfassil ta’ strateġija ġdida biex flimkien nilħqu l-livell li jmiss. Ottimista li bil-mod kif ħdimna bħala gvern tul dawn is-snin ser inkomplu naħdmu biex intejbu l-ħajja tan-nies ta’ madwarna”, qalet Rebecca Buttigieg.
Fid-diskors tiegħu l-kordinatur ta’ LGBTI+ Gozo Eman Borg stqarr li, “Matul is-sena 2022 LGBTI+ Gozo kompliet il-ħidma b’numru ta’ sezzjonjiet f’numru ta’ skejjel u għaqdiet oħra kif ukoll numru ta’ attivitajiet soċjali fil-Qawsalla Hub. Dan il-hub, b’investiment mill-Ministeru għal Għawdex, kien il-punt tat-tluq għall-Pride March, simbolu ieħor ta’ rappreżentazzjoni f’Għawdex. Din il-mixja storika tkompli l-kollaborazzjoni ta’ LGBTI+ Gozo mal-Ministeru għal Għawdex u tawgura tajjeb għal iktar ħidma fi ħdan il-komunità Għawdxija.”
Il-programm tal-attivitajiet li ser ikun qed jiġi organizzat jista’ jiġi aċċessat minn fuq il-paġna uffiċjali www.maltapride.org.
Ritratti: MGOZ/MHSR_PS