L-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta Tħabbar Il-Programm Il-Ġdid Ta’ Strada Stretta

 L-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta Tħabbar Il-Programm Il-Ġdid Ta’ Strada Stretta

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta llum nediet il-programm kulturali l-ġdid ta’ Strada Stretta għal Settembru sa Diċembru 2022, filwaqt li ħabbret li Strada Stretta issa tinsab taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kevin Drake.

B’40 sena ta’ esperjenza fis-settur tal-midja, id-divertiment, l-arti u l-kultura, Kevin Drake se jkun qiegħed jagħti nifs ġdid lil Strada Stretta permezz ta’ programm varjat ta’ attivitajiet li żgur se jkunu qed jattiraw numru ta’ Maltin kif ukoll turisti f’din it-triq tant ikonika fil-Belt Kapitali tagħna.

L-ispirazzjoni tal-programm ġejja mill-ħafna familji u artisti mwielda u mrobbija fi Strada Stretta. Innovattiva fin-natura tagħha, din is-serje ta’ avvenimenti se tilqa’ ċ-ċrieki artistiċi progressivi, kif ukoll lil dawk li huma dejjem kurjużi u jixtiequ jiskopru aktar. Ser nilqgħu wkoll studenti, dilettanti tal-films, dawk li jħobbu l-mużika alternattiva u dawk midħla tal-poeżija jew tal-jazz, fost l-oħrajn.

Il-Programm ta’ Strada Stretta se jibda bis-sensiela Tnejn Għat-Talkies fis-26 ta’ Settembru. Fi Tnejn għat-Talkies se jkunu qed jintwerew films famużi kull ħmistax fl-Embassy Cinemas, il-Belt Valletta.

Il-programm jinkludi wkoll City Forever, kunċert li jfakkar il-memorja ta’ missier il-jazz f’Malta, Charles Gatt ‘is-City’; Str8 2 the Blues, produzzjoni spettakolari ta’ mużika Blues, u Pusé, Piazzolla, Plus +, wirja tat-talent tal-vjolinist lokali George Curmi ‘il-Pusé’, b’enfasi fuq il-mużika tango u l-wirt ta’ Astor Piazzolla.

F’Diċembru ser jitella’ suq għall-artisti fi Strada Stretta – Strada Stretta Artists’ Market – fejn l-artisti se jkunu mistiedna juru x-xogħlijiet tal-arti tagħhom fi Strada Stretta. Il-programm għal dan l-istaġun jiġi fi tmiemu b’Bejn is-Sagru u l-Profan, avveniment mużikali bil-parteċipazzjoni ta’ The New Victorians, magħrufa l-aktar għall-mużika popolari u kontemporanja tagħhom.

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-pjan sabiex Strada Stretta terġa’ tibda tingħata l-ħajja beda minn Valletta 2018 u dan baqa’ jiżviluppa sakemm illum sar rebranding u qed jiġi introdott ukoll id-Direttur Artistiku l-ġdid, Kevin Drake, li se jkun qed jieħu ħsieb il-programm kulturali ta’ Strada Stretta. Is-Sur Micallef qal li l-ambizzjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija li tipprovdi programm ta’ avvenimenti uniċi li jagħtu ġieħ lil din it-triq u l-istorja tagħha.

Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall tenna, “Il-Belt — l-istorja u s-sbuħija tagħha; is-seħer, il-misteri, u l-intriċċi ta’ Strada Stretta, abbinati mat-talenti mqarbin ta’ Kevin Drake huma riċetta ta’ suċċess garantit.”

Id-Direttur Artistiku tal-programm ta’ Strada Stretta Kevin Drake qal li l-ħsieb prinċipali li jixpruna dan il-programm hu li nżewqu dak li mhux tas-soltu ma’ dak li huwa aċċessibbli. Huwa tenna wkoll li dan il-programm mhux se jieqaf biss sa din is-sena iżda se jkun qed jiġi estiż ukoll għas-sena d-dieħla.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Strada Stretta u avvenimenti oħra żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com