“L-Anzjani Qed Jgħoddsu Aktar Fil-Faqar” – Il-Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li ċifri ppubblikati din il-ġimgħa juru l-kuntrarju ta’ dak li wiegħed il-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali tiegħu fl-aħħar l-elezzjoni ġenerali, li qal li Malta kellu “jkollha fost l-anqas rata ta’ nies f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea”.
Intqal li llum jirrizulta li l-anzjani ta’ aktar minn 65 sena li s-sena li għaddiet kienu f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali laħqu s-27,562 jew 29.9% tal-anzjani kollha. Din iċ-ċifra turi żieda ta’ 1.4% fuq l-2020, bl-akbar żieda kienet dik tan-nisa, li jilħqu l-15,732 – minn 30% fl-2020 għal 32.3% s-sena li għaddiet.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif dawn iċ-ċifri juru wkoll li r-rata ta’ nisa li żdiedu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali kienet sitt darbiet aktar minn dik tal-irġiel. Iżda għal dan il-Gvern, qisu m’hu qed jigri xejn għax ma qiegħed jagħmel xejn biex inaqqas dawn in-numri.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif m’hemmx dubju li l-qagħda tal-anzjani fl-aħħar xhur kompliet tiggrava minħabba ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, bil-prezzijiet dejjem jgħolew, specjalment tal-ikel u tal-medicini. Tant hu hekk li llum għandna anzjani kostretti jixtru l-orhos medicini u l-orħos ikel biex ikunu jistgħu jkampaw sal-aħħar tax-xahar.
“Il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed ikompli jixxaħħaħ mal-anzjani, iżda t-tberbiq u l-ħela tal-flus qed ikompli ghaddej. Hu obbligu tal-Gvern li jara li flus il-poplu jintużaw tajjeb u bi pjan serju biex l-anzjani taghna jkunu verament jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisħaq biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, kull min hu fil-bżonn, speċjalment l-anzjani, jingħataw dak li jixirqilhom”, temmet tgħid l-istqarrija ffirmata minn Paula Mifsud Bonnici – Kelliem għall-Anzjanità Attiva u Assistent Whip, David Agius – Kelliem għall-Politika Soċjali u Deputat Speaker, Ivan Bartolo Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar flimkien mal-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti.