L-Ebda Konsultazzjoni Fl-Estensjoni Tal-Yacht Marina Fil-Kalkara

 L-Ebda Konsultazzjoni Fl-Estensjoni Tal-Yacht Marina Fil-Kalkara
Il-Partit Nazzjonalista jifhem il-ħtieġa tar-regolazzjoni u l-organizzazzjoni tal-irmiġġi fil-portijiet kollha ta’ Malta. Hekk saħqet l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Ivan Castillo-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol.
“Madankollu, dan jeħtieġ li jsir b’konsultazzjoni xierqa mal-istakeholders u l-esperti kollha fil-qasam biex jinftiehem l-impatt fuq l-ambjent, it-traffiku, parking, rimi tal-iskart, l-impatt viżwali u l viżibbiltà tas-swar tal-Grad 1, kif ukoll bini ieħor storiku, b’okkupazzjoni ta’ 100% tal-irmiġġi proposti li se tnaqqas il-preġju tiegħu u jiba’ l-istess min-naħa l-oħra tal-bajja, u anke l-impatt fuq ir-residenti li jagħmlu użu minn din il-bajja.”
Tenniet li x-xiri u r-reġistrazzjoni ta’ dgħajjes f’Malta qed jiżdied sena wara sena u l-Gvern għandu r-responsabbiltà li jassigura li jkun hemm spazju adegwat għal kulħadd, iżda mhux għad-detriment tal-ambjent, u joħloq periklu. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk twettaqx risk assesment u studju għall-manuvrabbiltà tad-dgħajjes għal dan il-proġett, inkluża l-kapaċità li bastimenti tas-salvataġġ jidħlu f’każi ta’ bżonn. Il-Gvern jeħtieġ li jieħu d-deċiżjoni responsabbli biex jiżgura li jinżamm bilanċ u fl-istess waqt joħloq u jorganizza l-ispazju disponibbli.
“Dan l-iżvilupp jeħtieġ li jiżgura li mhux se jkun hemm rigress iżda progress fejn qed jakkomoda l-ħtieġa ta’ irmiġġi organizzati u regolarizzati, iżda li jiġi żgurat li dan ma jkunx id-deterrent ta’ żvilupp żejjed taz-zona b’aktar irmiġġi li jistgħu jintużaw fil-prattika u fejn il-kwalità tal-ħajja titnaqqas minflok titjieb.
Filwaqt li jistaqsi jekk kienx hemm laqgħat u konsultazzjoni għal dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista iħoss li hu kurjuż ħafna wkoll għaliex dan il-proġett twaqqaf fl-2019 u reġa’ ttella’ issa. Jistaqsi xi nbidel, kif ukoll xi studji u bidliet ġodda saru biex dan il-proġett issa sar vijabbli.” Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-PN.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com