Li Titma’ Qtates Ta’ Barra Mhux Illegali. Li Tħammeġ Iva!

 Li Titma’ Qtates Ta’ Barra Mhux Illegali. Li Tħammeġ Iva!
Li persuna titma’ qtates ta’ barra t-triq, mhux illegali, iżda li persuna tħammeġ, huwa llegali – hekk tisħaq il-kummisjoni għall-ħarsien tal-annimali f’Malta. Il-Kummissjoni żżid tgħid li meta nargumentaw li l-qtates m’għandhomx jiġu mitmugħa minħabba l-ħmieġ, inkunu qed imorru kontra l-att dwar it-trattament xieraq tal-annimali (KAP 439).

F’kitba fuq il-midja soċjali, il-kummisjoni semmiet diversi punti fosthom li f’Malta nsibu ħafna skart u ħmieġ ta’ tip ieħor fit-toroq, bħal karti tal-ġelat u boroż tal-krisps, imma ħadd ma tgħaddilu minn moħħu li nwaqqfu n-nies milli jieklu ġelati jew snacks fit-triq. Kif inhu miktub f’Kap. 439 (Att dwar it-trattament xieraq tal-annimali), l-istat huwa fid-dmir li jkattar il-kultura tar-rispett lejn l-annimali. L-istat għandu wkoll id-dmir li jippromwovi l-ħarsien tal-annimali, u li l-ħarsien tal-annimali għandu jiġi protett bl-intervent tal-Istat, bl-organi leġislattivi, ġudizzjarji u amministrattivi tiegħu. Dan kollu jfisser illi persuna li titma l-qtates ta’ barra triq, fil-pubbliku, mhux illegali, iżda skont Kap. 206 (Att dwar żibel u skart) li persuna tħammeg żoni pubbliċi huwa llegali.

Għaldaqstant il-kummissjoni saħqet li persuni li jitimgħu l-qtates ta’ barra t-triq ma jistgħux ikunu mwaqqfa milli jitimgħu l-kolonji tal-qtates tagħhom, madanakollu, dawk in-nies li jitimgħu huma obbligati legalment biex ineħħu xi ikel li jkun fadal wara li jkunu kielu (speċjalment ikel imxarrab, tal-bottijiet u l-pakketti) l-qtates, u saħansitra, min jitma huwa obbligat legalment biex ineħħi l-kontenituri wara li jkunu kielu l-qtates. Kontenituri b’ilma nadif u frisk m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala skart, għalhekk jistgħu jinżammu f’postijiet li ma jdejqu lil ħadd.
Idealment, il-Kunsilli Lokali għandhom jippruvaw jaslu għal kompromess flimkien ma’ dawk il-persuni li jitimgħu l-qtates sabiex jinstab post fejn il-qtates ta’ barra jistgħu jkunu mitmugħa. Il-post identifikat għandu dejjem jilħaq il-bżonnijiet naturali u ‘territorjali’ tal-qtates, li jfisser, illi l-qtates m’għandhomx għalfejn imorru f’post ‘il bogħod ħafna biex jieklu u m’għandhom qatt ikun f’ebda periklu billi jitpoġġew viċin ħafna tat-triq
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com