Ma Jista Jsir L-Ebda Bejgħ Jew Kiri ta’ Irmiġġi Propjeta’ ta’ TM
L-irbit ta’ dgħajjes u opri tal-baħar f’pajjiżna jaqa’ taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Skont ir-regolamenti dwar l-irmiġġar ta’ bastimenti żgħar u dgħajjes (L.S.499.11), l-irmiġġi kemm mal-mollijiet immaniġġjati minn Transport Malta kif ukoll ma’ mażżri fil-baħar huma proprjetà tal-Awtorità u għaldaqstant ma jista’ jsir l-ebda bejgħ jew kiri (inkluż reklamar) jew xi tip ta’ trasferiment ta’ dawn l-istess irmiġġi li huma proprjeta’ tal-Awtorità.
Transport Malta qalet dan f’kitba fuq il-mezzi soċjali, hekk kif sfortunatament bosta huma dawk li qed jiksru dawn ir-regolamenti. Transport Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex josserva u jimxi strettament ma’ dawn ir-regolamenti. Fin-nuqqas ta’ dan, Transport Malta saħqet li qed tgħarraf li l-istess irmiġġ jista’ jittieħed lura minnufih, il-permess jiġi revokat u jittieħdu l-passi neċessarji u legali kollha meħtiega fil-konfront tal-individwu hekk kif titlob il-liġi.