Manutenzjoni Ta’ 11-il Winch Room U Xogħlijiet Fuq Żewġ Winch Rooms Ġodda
Tul dawn l-aħħar sena u nofs sar manutenzjoni ta’ ħdax-il winch room mifruxa f’diversi lokalitajiet f’Malta. Din kienet l-ewwel darba li sar ristrutturar fuq il-winch rooms li għandna mifruxa fil-portijiet madwar Malta fosthom: ħames winch rooms ġewwa Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żurrieq, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Kalkara u Marsaskala.
Ix-xogħol li sar f’dawn il-winch rooms jinkludi manutenzjoni fuq il-winch u l-wire ropes kif ukoll tibdil sostanzjali fl-infrastruttura, hekk kif inżebgħu minn barra u minn ġewwa, tpoġġa madum ġdid u sar tibdil fis-sistemi tad-dawl u l-ilma.
Din il-ħidma tkompli turi biċ-ċar l-impenn tal-Gvern li dejjem ikun viċin tas-sajjied u li jagħti l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa fi żmien ta’ diversi sfidi li dan is-settur għaddej minnhom. Dawn ix-xogħlijiet saru b’investiment ta’ €113,000 permezz ta’ fondi nazzjonali.
Il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jtejjeb l-infrastruttura fil-portijiet Maltin permezz ta’ investimenti bħal dawn. Il-winch rooms huma essenzjali għas-sajjieda, hekk kif joffru appoġġ indispensabbli waqt li jkunu qed jużawhom, speċjalment lil dawk is-sajjieda li m’għandhomx karru għall-bastimenti tagħhom. Il-winches jagħmluha possibbli għas-sajjieda sabiex ikunu jistgħu jtellgħu l-bastimenti l-art għall-manutenzjoni jew inkella meta jkun ġej il-maltemp.
Għal dan il-għan, fix-xhur li ġejjin se jiżdiedu żewġ winch rooms ġodda, fl-Imsida u fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala. Investimenti bħal dawn iħallu impatt dirett fuq l-industrija tas-sajd. Minbarra li titjieb l-infrastruttra fil-portijiet, is-sajjieda jkunu qed jingħataw għajnuna sabiex loġistikament ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar kompetittiv u sostenibbli.
Is-Segretarju Paralamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif, “Dawn il-winch rooms jintużaw mingħajr ħlas minn sajjieda reġistrati mad-dipartiment, kemm dawk is-sajjieda li jaħdmu fuq bażi ta’ full time, dawk part time u kif ukoll dawk rikreazzjonali.” Hija kkonkludiet billi sostniet kif, “Il-Gvern huwa kommess li jkun ta spalla għas-sajjieda f’kull sfera tas-settur”.
L-immaniġġjar tal-winch rooms huwa f’idejn il-winch room attendants li huma ingaġġati mid-dipartiment stess. Ħafna drabi dawn ikunu sajjieda stess li jikkoordinaw bejniethom sabiex ikun jista’ jinxtegħel u jintuża l-winch skont il-bżonn. Ta’ min wieħed isemmi li kull bastiment jinġibed tal-inqas darba fis-sena sa massimu ta’ 4 darbiet. Dan huwa riflessjoni ċara ta’ kemm kienet bżonnjuż li ssir dan il-manutenzjoni, hekk kif is-sajjieda jagħmlu użu mill-winch rooms ta’ spiss.