Pjan Ta’ Kontinġenza Għall‑Kulleġġ San Albert Il‑Kbir
L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tħejji pjan ta’ kontinġenza biex tilqa’ fl‑istrutturi edukattivi tagħha l‑istudenti u l‑istaff tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir jekk l‑iskola ma tkunx f’pożizzjoni li tiffunzjona fil‑bidu tas‑sena skolastika 2022/23.
L‑Arċidjoċesi, permezz tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, ilha għal diversi ġimgħat involuta b’mod attiv f’taħditiet sabiex tiġi identifikata t‑triq ’il quddiem għall‑partijiet kollha, wara d‑deċiżjoni tal‑Ordni Dumnikan — li hu responsabbli mill‑kulleġġ — li jkeċċi l‑eks surmast tal‑iskola. L‑Arċidjoċesi tesprimi d‑diżappunt tagħha li l‑kwistjoni għadha mhix solvuta ftit jiem qabel il‑bidu ta’ sena skolastika ġdida.
L‑għan ewlieni tas‑Segretarjat jibqa’ li jħeġġeġ għal diskussjonijiet li jħallu riżultat pożittiv bejn l‑Ordni Dumnikan u l‑MUT. Fl‑istess waqt is‑Segretarjat daħal għar‑responsabbiltà li jħejji pjanijiet alternattivi fl‑eventwalità li t‑taħditiet ma jkomplux.
Kelliema għall‑Arċidjoċesi qalet: “Waqt laqgħa li saret riċentament mal‑Arċisqof Charles Scicluna, il‑ġenituri esprimew it‑tħassib tagħhom b’mod ġustifikat dwar l‑inċertezza tal‑edukazzjoni ta’ wliedhom. L‑Arċisqof qal li se jonora l‑impenn li ħa biex iħares il‑ġid tal‑istudenti li huwa, u jrid jibqa’, prijorità ewlenija”.
L‑Arċidjoċesi tixtieq tirringrazzja lill‑awtoritajiet edukattivi tal‑koperazzjoni tagħhom kif ukoll lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, lill‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi u lill‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja li qed jaħdmu bla heda biex din il‑kwistjoni tiġi konkluża b’suċċess.