Riforma Leġiżlattiva Li Tipprovdi L-Ogħla Livell Ta’ Protezzjoni Lill-Ġurnaliżmu Malti
“Irridu li l-midja f’pajjiżna tkun tabilħaqq ir-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna permezz ta’ din ir-riforma bla preċedent li ssaħħaħ is-saltna tad-dritt” – il-Ministru Jonathan Attard
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Berġa t’Aragona, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippreżenta tliet abbozzi ta’ liġi li jitrattaw it-tisħiħ tal-protezzjoni u l-libertà tal-midja. Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard sostna illi permezz tat-tliet abbozzi, il-ġurnaliżmu Malti se jkun qiegħed tassew jiġi rikonoxxut bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija Maltija u l-irwol tal-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-qasam tal-midja se jingħataw l-ogħla ċertezza u protezzjoni bl-inklużjoni fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Ministru rrimarka illi l-Gvern minnufih wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Daphne Caruana Galizia ħadem permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa sabiex ġew imħejjija dawn it-tliet abbozzi. Din il-konsultazzjoni wiesgħa saret kemm mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u anke mal-familja Caruana Galizia. Dan filwaqt li kien hemm diversi dibattiti pubbliċi dwar dan is-suġġett. Kien imbagħad il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li lura f’Jannar ta’ din is-sena ressaq fuq il-mejda tal-Kamra l-abbozzi li mbagħad ġew mgħoddija lill-Kumitat tal-Esperti. Intqal li l-Gvern se jkun qed jwettaq 87% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Esperti, il-biċċa l-kbira tagħhom b’mod sħiħ.
Il-Ministru Attard spjega t-tibdiliet kollha li se jsiru f’għadd ta’ liġijiet biex il-ġurnaliżmu Mati jingħata l-ogħla protezzjoni li qatt kellu. Sostna illi abbozz minnhom se jkun qiegħed jistabbilixxi kumitat illi jevalwa r-riskji u t-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, filwaqt li ieħor se jkun qiegħed jemenda diversi liġijiet u jintroduċi dispożizzjonijiet anti-SLAPP fil-liġijiet ta’ Malta. “Permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet anti-SLAPP, Malta se tkun fost l-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li se tilleġiżla sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti minn ipparalizzar abbużiv,” sostna l-Ministru Attard.
Emendi oħra fil-Kodiċi Kriminali se jdaħħlu l-kunċett li jekk ikun hemm reat fuq persuna li hija professjonista tal-midja minħabba li wettqet il-funzjonijiet tagħha, il-piena tiżdied. Fl-Att dwar il-Midja u l-Malafama, il-ħlasijiet tar-Reġistru tal-Qorti mhux se jkunu dovuti mill-ġurnalist qabel ma tintemm il-kawża, kif ukoll li f’każi fejn l-awtur imut waqt li jkunu għadhom għaddejjin il-proċeduri, il-Qorti ma teżeġix ħlas ta’ danni mingħand il-familja tiegħu.
Il-Ministru Attard qal ukoll li l-irwol tal-Kumitat ta’ Esperti tal-midja issa jkun qed jkompli fil-ħidma tiegħu hekk kif għandu jgħaddi rakkomandazzjonijiet ulterjuri fuq kif il-professjoni ġurnalistika għandha tirregola lilha nnifisha. Il-Ministru għall-Ġustizzja temm jirrimarka illi din ir-riforma tilħaq il-quċċata tagħha meta l-proposti tal-Gvern biex il-libertà tal-midja, l-irwol tagħha bħala għassies pubbliku u d-dritt tal-eżerċizzju tal-ġurnaliżmu ħieles jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni. Dan wara d-diskussjoni fil-Parlament li l-Gvern mistenni jibda fiż-żmien li ġej.