Tissaħħaħ Id-Diskussjoni Dwar Il-Politika Nazzjonali Taż-Żgħażagħ
Illum, Aġenzija Żgħażagħ organizzat konferenza intitolata ‘A Shared Vision’ bħala parti mill-politika nazzjonali taż-żgħażagħ u li fiha ltaqgħu l-istakeholders li jaħdmu maż-żgħażagħ.
Waqt din il-konferenza ġie enfasizzat il-proċess kontinwu ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi, stakeholders u individwi li jaħdmu maż-żgħażagħ, bil-għan li jkomplu joffru servizz ta’ kwalità liż-żgħażagħ, kif ukoll tkompli tiġi implimentata l-politika nazzjonali taż-żgħażagħ.
L-għanijiet prinċipali ta’ din il-politika huma li:
- Jappoġġjaw u jinkoraġġixxu b’mod effettiv liż-żgħażagħ biex iwettqu l-potenzjal u l-aspirazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom.
- Jappoġġjaw b’mod effettiv liż-żgħażagħ bħala ċittadini responsabbli li jipparteċipaw u jikkontribwixxu fil-ħajja soċjali, ekonomika, politika u kulturali fuq livell nazzjonali u fuq livell Ewropew, kif ukoll fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet globali.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li permezz ta’ din il-konferenza ngħaqdu l-entitajiet u l-individwi li jaħdmu direttament maż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna biex flimkien ikomplu jintlaħqu l-għanjiet tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. “Kull individwu għandu bżonnijiet differenti u għalhekk irridu nkomplu naħdmu qattiegħ fuq livell ta’ governanza, flimkien mal-entitajiet u l-individwi kollha li jaħdmu maż-żgħażagħ,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li “Aġenzija Żgħażagħ se tkompli taħdem u tinvolvi ruħha ma’ entitajiet rilevanti, fuq bażi regolari, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u tipprovdi s-sapport meħtieġ fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ.”