Titħabbar L-Ewwel Edizzjoni Tal-Malta Business Awards
Malta Enterprise b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji ħabbret l-ewwel edizzjoni tal-Malta Business Awards. Din se ssir fit-28 ta’ Ottubru li ġej ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
L-awards se jinqasmu fuq erba’ kategoriji: l-impatt soċjali tal-intrapriża, inizjattivi ħodor, Best in Business, u l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. In-nomini huma miftuħa sal-25 ta’ Settembru bil-finalisti jitħabbru fl-10 ta’ Ottubru.
Se jkunu qed jingħataw ’il fuq minn 20 award lil intrapriżi minn setturi varji li jinkludu t-turiżmu, u jinkorporaw ukoll elementi varji; fosthom startups, l-imprenditorjat femminili, l-apprentistat u soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima u proċessi sostenibbli.
Il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża Miriam Dalli stqarret li, “Dan huwa mument li għandu jservi t’ispirazzjoni lill-intrapriżi tagħna biex ikunu iktar sostenibbli, diġitali, jaqdu l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħhom, joffru prodotti ta’ kwalità filwaqt li jassiguraw il-kompetittività. Il-Business Awards jissarrfu biex nitgħallmu mil-istejjer ta’ suċċess ta’ xulxin, kif ukoll biex l-intrapriżi nnifishom jiddefinixxu l-passi li jmiss biex itejbu l-proċessi tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li, “Nixtiequ li l-kumpaniji rebbieħa jkunu role models għal kumpaniji oħra biex dawn ukoll jtejbu l-operat tagħhom. Il-Malta Enterprise għandha sehem attiv biex tkun ta’ spalla għall-intrapriżi permezz tad-diversi skemi li toffri, ilkoll maħsuba biex il-kumpaniji jgħollu l-istandards u l-kwalita tas-servizz illi joffru. Fost dawn l-iskemi hemm l-iSmart & Sustainable Investment Grant, Invest , Research & Development u l-iskemi Innovate.”
Il-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela qal li huwa ta’ unur li l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, bi storja ta’ aktar minn 70 sena, illum waslet biex torganizza dawn l-awards prestiġjużi flimkien mal-Malta Enterprise u bl-għajnuna ta’ ħafna entitajiet. Sostna li b’dawn l-awards qed tinħoloq pjattaforma ta’ rikonoxximent li se tispira oħrajn bl-inizjattivi tajbin li diġà qed jieħdu negozji lokali. Is-Sur Abela ħeġġeġ in-negozji biex jipparteċipaw f’dawn l-awards li l-għan tagħhom huwa li jagħtu ġieħ lin-negozji Maltin.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs Abigail Agius Mamo qalet li dawn l-awards nazzjonali tan-negozju se jkunu qed jonoraw negozji f’diversi kategoriji, u li n-negozji jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni huma stess jew inkella jiġu nominati minn terzi. L-applikazzjonijiet huma miftuħa u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Settembru fuq is-sit www.maltabusinessawards.mt bil-finalisti jitħabbru fl-10 ta’ Ottubru u s-serata finali gala, li fiha jitħabbru r-rebbieħa, issir fit-28 ta’ Ottubru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.