Tnedija Tal-Proġett ISport

 Tnedija Tal-Proġett ISport

Il-Proġett ISPORT hu kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Paralimpiku Malti u The Malta Trust Foundation intenzjonat li jiżviluppa Para Sport għal tfal u żgħażagħ għomja u b’visual impairment, kif magħruf internazzjonalment bħala Blind Sport jew VI (‘visually impaired’) Para Sport.

Il-proġett ġie mniedi llum waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn rappreżentanti mill-KPM u minn TMTF taw dettalji dwar l-ambizzjonijiet u l-oġġettivi ta’ dan il-proġett innovattiv. It-tnedija kienet segwita minn Open Day li saret fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn atleti għomja jew b’visual impairment ġew mistiedna biex jipprovaw diversi Blind u VI Para Sports taħt l-istess saqaf, fejn ġew offruti l-Blind Futsal, Qdif fuq ġewwa, atletika, judo u anke għawm. Għal ħafna minn dawn l-individwi, din kienet l-ewwel darba li huma qatt ipparteċipaw fl-isport u f’attivitá fiżika, li juri l-vojt fis-soċjetá tagħna li l-Proġett ISPORT qed jara li jindirizza. Fit-triq ‘il quddiem, il-parteċipanti fl-Open Day u individwi oħra li huma għomja jew b’visual impairment se jingħataw il-gwida mill-KPM biex jissieħbu ma’ klabbs sportivi ħalli jibdew jieħdu sessjonijiet ta’ taħriġ. Fejn ikun hemm bżonn, se jiġu offruti sessjonijiet ta’ taħriġ 1-to-1, biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel fl-ambjent tal-klabbs sportivi fejn l-atleti għomja u b’visual impairment se jkunu imħeġġina biex jitħarrġu flimkien ma’ atleti abbli u li jaraw.

Matul l-Open Day, atleti għomja u b’visual impairment, flimkien ma’ qrabathom, ingħataw ukoll l-opportunitá li jinteraġġixxu u jitgħallmu minn Para Atleti u ambaxxaturi tal-Para Sport preżenti, fosthom uħud mill-Paralimpiċi ta’ Malta u Para Atleti kompetittivi. Attendew ukoll għal din l-Open Day, diversi stakeholders importanti fl-isport u d-diżabilitá, fosthom il-Malta Society of the Blind, The Malta Guide Dogs Foundation, Advice u l-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilitá, fost l-oħrajn.

Iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, l-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca spjegat lidan kien il-pass naturali li kien imiss għal The Malta Trust Foundation, fil-kuntest tax-xogħol li nagħmlu ma’ tfal u żgħażagħ b’diżabilitá. Għalhekk meta l-Kumitat Paralimpiku avviċinawna biex nikkollaboraw, mill-ewwel rajna lid li jista’ joħroġ minn dan il-proġett. Irridu li ISPORT ikun opportunitá oħra biex tfal u żgħażagħ b’diżabilitá jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Jixraqilhom.

Min-naħa tal-Kumitat Paralimpiku Malti, is-Segretarju Ġenerali Julian Bajada enfasizza li l-Proġett ISPORT jimmarka fażi ġdida għall-iżvilupp ta’ Para Sport f’Malta, filwaqt li nnota li l-proġett: “jinkorpora l-ethos tal-KPM fejn l-inklużjoni tilħaq l-eċċellenza. Filwaqt li jikkonferma t-tifsir veru tad-dikjarazzjoni tal-missjoni tal-KPM li jagħti l-abbiltá lil individwi biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom permezz tal-Para Sport, dan il-proġett se jispiraw wkoll u jifforma l-komunitajiet tagħna billi jwaqqa’ l-ostakli billi jazzarda jagħmel dak li ħafna jaħsbu li hu impossibbli. Il-KPM jemmen li kull individwu jixraqlu l-aqwa opportunitá possibbli li jesperjenza u jaħsad il-benefiċċji ta’ matul il-ħajja tal-isport, filwaqt li jiddikjara li dan il-proġett hu pass f’dik id-direzzjoni, għal individwi mill-oqsma kollha tal-ħajja, ta’ kull etá u ambizzjonijiet.”

Il-KPM u TMTF jinkoraġġixxu individwi għomja u b’visual impairment, u l-qraba tagħhom, biex jagħmlu l-ewwel pass fl-isport u jimxu ‘l quddiem biex jipparteċipaw fil-Proġett ISPORT. Dan il-proġett se jkun qed ikopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni, l-ikkowċjar u spejjeż oħra relatati sabiex ma jżidx xi nfiq ieħor lill-familji tat-tfal u ż-żgħażagħ li se jipparteċipaw. Għal aktar informazzjoni, individwi interessati jistgħu jikkuntattjaw lill-KPM permezz ta’ [email protected] jew TMTF permezz ta’ [email protected].

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com