Żewġt Irġiel Bi Ġrieħi Gravi F’Inċidenti Separati
Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati aktar kmieni dalgħodu.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja u kwart, fi Triq il-Wied, Ħal Balzan.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 74 sena ntlaqat minn Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
It-tieni inċident ġara għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart, fi Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li ċiklist ta’ 53 sena residenti Bormla intlaqat minn bieba ta’ vettura pparkjata u li fiha kien hemm mara ta’ 32 sena residenti l-Mosta.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġt irġiel ittieħdu l-isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.