Żibel Mixħut Taħt It-Twieqi Tal-Klassijiet Tal-Iskola

 Żibel Mixħut Taħt It-Twieqi Tal-Klassijiet Tal-Iskola

Hekk kif l-Erbgħa 28 ta’ Settembru fissret il-bidu uffiċċjali ta’ sena skolastika oħra, dan is-sit irċieva ritratt dwar ammont ta’ skart fil-boroż suwed mixħut taħt it-twieqi tal-klassijiet tal-iskola.

Minn informazzjoni li wasslitilna, dan ir-ritratt ittieħed għal ħin tas-2pm, ħdejn l-iskola primarja ta’ San Bastjan fi ħdan il-kulleġġ San Injazju ta’ Ħal Qormi. Il-jum tal-Erbgħa, mhux il-jum li fih jinġabar skart domestiku, iġifieri tal-borża s-sewda, għalhekk bosta ġenituri u persuni li jiffrekwentaw iż-żona, b’mod partikolari dawk li marru biex jiġbru t-tfal tagħhom fl-ewwel jum tal-iskola, kienu rrabjat ferm kif dan l-ammont ta’ skart kien mixħut hemm aktar u aktar meta minn informazzjoni li għandu dan is-sit, it-twieqi li jidhru fir-ritratt huma twieqi tal-klassijiet tat-tfal tal-kindergarden.

Kull kunsill lokali, inkluż dak ta’ Ħal Qormi, huwa responsabli li jinġabar l-iskart domestiku, fil-ġranet indikati bil-liġi, b’kuntrattur imqabbad mill-istess kunsill li jiġbor il-boroż minn wara l-bibien residenzjali tal-lokal. La darba dan l-ammont ta’ skart kien mixħut f’ġenb ta’ pjazza, f’post miftuħ u mhux qrib residenzi u saħansitra fil-ġurnata li ma tinġabarx il-borża s-sewda, allura jkunu jridu jsiru arranġamenti differenti biex jinġabar dan it-tip ta’ skart.

Ġenituri li għandhom uliedhom jattendu din l-iskola tkellmu magħna u qalulna li apparti l-boroż, iħossu li mhux xieraq li hemm ‘bin’ fejn wieħed jarmi ħmieġ tal-klieb, eżatt taħt it-twieqi tal-klassijiet. Dan iffisser li l-irwejjaħ li jistgħu joħorġu minn dan il-‘bin’ faċilment jidħlu fil-klassijiet tat-tfal.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com