30% Biss Tal-Iskejjel F’Malta Jżommu Defibrillator Fil-Qrib
Huma biss 30% l-iskejjel li għandhom defibrillator qrib kumpless sportiv. Dan huwa numru ferm inkwetanti għal pajjiżna. Dan żvelah il-kardjologu Mark Abela f’intervista ma’ Net Television
Mark Abela qal li l-AED hija importanti ħafna u għandha tinżamm f’post aċċessibli għaliex aktar ma jgħaddi l-ħin aktar jonqos iċ-ċans li persuna ssalva wara li jinqalgħu problemi fil-qalb. Huwa insista wkoll li n-nies iridu jkunu jafu kif jużaw AED.
Wara l-każ li seħħ f’San Alwiġi, Mark Abela heġġeġ lill-kumplessi sportivi kollha sabiex ikunu preparati għal avvennimenti bħal dawn.
Hu stqarr li pajjiżi oħra fil-kurrikulum tagħhom hemm inkluż tagħlim fuq kif għandha tintuża l-AED sabiex ikunu ppreparati f’każ li jinqala xi ħaġa.
Spjega li 80% tan-nies li jmutu ħabta u sabta qatt ma jkunu ħassew xejn qabel. F’ċertu sitwazzjonijiet l-ewwel indikazzjonijiet jkunu meta l-qalb tieqaf tħabbat jew inkellha l-qalb tkun tħabbat ħafna.
Mark Abela tenna li hemm bżonn aktar għarfien fuq dan is-suġġett speċjalment meta dawn it-tip ta sitwazzjonijiet mhumiex daqstant komuni.
Huwa qal li fis-sena skolastika 2017-2018 kien sar screening fuq il-fifth formers kollha ta’ Malta u Għawdex li jammontaw għal madwar 2,700 student u kienu sabu li 9 studenti kienu f’riskju li jmutu ħabta u sabta.
Wieħed jaghmel sew jekk xi darba tul ħajtu jagħmel ECG sabiex jaċċerta ruħu li l-qalb tinsab f’kundizzjoni tajba.
Intant, dan l-istazzjon jinsab infurmat li bħalissa l-kumpless ta’ San Alwiġi qed jinbena mill-ġdid – għajr għall-grounds li nżammu aċċessibbli. Net News jista’ jikkonferma li fil-kumpless il-ġdid diġa’ hemm maħsub li jkun hemm defibrillator.