610kg Kokaina Interċettati Mid-Dwana Ta’ Malta fil-Port Ħieles
Għal darb’oħra, id-Dipartiment tad-Dwana ta’ Malta interċetta ġarr ieħor ta’ 610kg kokaina fil-Port Ħieles ta’ Malta. Dan l-ammont ta’ kokaina huwa stmat għal €100.6 miljun f’valur fit-triq
Ilbieraħ, waqt operazzjoni uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fit-Terminal tal-Port Ħieles, qabdu 610 pakkett ta’ Kokaina li jiżnu kilogramma kull wieħed, u li kienu moħbija fi ġarr ta’ Banana. Il-kontejner intgħażel mid-Dwana Monitoring Unit wara valutazzjoni bir-reqqa fuq il-kontejners li jgħaddu mill-Port Ħieles ta’ Malta. Il-kontejner ġie skenjat flimkien ma’ numru ta’ kontejners oħra, u uffiċjali tad-Dwana fil-Faċilità tal-Iskanjar indikaw diskrepanzi fl-immaġni ta’ dik l-unità partikolari.
Il-kontejner, li kien qed jittrasporta l-banana, telaq minn Guayaquil fl-Ekwador u kien fir-rotta lejn Batumi fil-Ġeorġja. L-Uffiċjali tad-Dwana, flimkien ma’ membri mill-Iskwadra tad-Droga tal-Pulizija ta’ Malta li aktar tard issejħu fuq il-post, fetħu r-‘reefer’ u spezzjonaw fiżikament il-kaxxi kollha. 20 Kaxxa Banana nstabu li kien fihom 20 pakkett Kokaina kull wieħed filwaqt li 10 Kaxxi oħra kien fihom 21 pakkett kull wieħed. Ladarba d-droga ġiet elevata, il-każ ġie mgħoddi lill-Korp tad-Droga tal-Pulizija ta’ Malta għal aktar investigazzjoni – il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella qed tmexxi l-inkjesta.