Budget B’Konferma Ta’ Gvern Li Se Jkompli Miexi Fid-Direzzjoni T-Tajba
Quddiem l-isfidi, nagħżlu li nkunu man-nies. Hekk għamilna fil-pandemija, hekk għamilna llum u hekk se nibqgħu nagħmlu. Magħna tafu fejn qegħdin għax inwettqu dak li nwiegħdu.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard u d-Deputat Randolph de Battista.
Randolph de Battista spjega kif il-budget ippreżentat ftit tal-jiem ilu huwa budget għall-futur daqskemm huwa għal-lum. “Għal-lum għaliex jindirizza bl-aktar mod sod waħda mill-akbar sfidi ta’ dan il-mument li hija l-għoli tal-ħajja. Għall-futur għaliex iċ-ċertezza u l-istabbilta’ li qed nagħtu llum se tħalli lill-familji u n-negozji tagħna jippjanaw il-ġejjieni tagħhom b’serħan il-moħħ.”
Huwa spjega wkoll kif Il-prinċipji ta’ ċertezza u stabbiltà li fuqhom huwa msejjes dan il-budget huma tlieta –
- 1. Se nkomplu nipproteġu lill-familji u lin-negozji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-għoli tal-ħajja.
- 2. Se nkomplu nwieżnu dawk li jifilħu l-inqas
- 3. Fuq kollox se nkomplu ntejbu l-kwalita’ ta’ ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ ambjent aħjar u ekonomija b’saħħitha.
Ramona Attard semmiet kif l-istorja kienet ferm differenti taħt amministrazzjoni preċedenti qabel l-2013. Sostniet ukoll kif “għall-Oppożizzjoni u Bernard Grech, li l-Gvern qed iżid il-pensjonijiet u ċ-children’s allowance, jagħti għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers u jintroduċi kumpens addizzjonali għall-għoli tal-ħajja lil 37,000 familja li jifilħu l-inqas, għalihom huwa budget li ma għandu l-ebda soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja.”
Dan jikkuntrasta ferm mar-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti fejn iddeskrivew il-budget bħala wieħed xprunat minn deċiżjonijiet fundamentali fl-istabbilta’ fil-prezzijiet tal-enerġija, soċjalment ġust u responsabbli, budget li jippriserva l-ekonomija, isaħħaħ id-diġitalizzazzjoni f’Għawdex u li bih ninsabu fiduċjużi għall-futur.
“Dawn ir-reazzjonijiet jixhdu kemm il-Gvern qed joffri ċertezza u stabbiltà għan-nies li jwasslu għall-futur sabiħ, futur flimkien,” temmet Ramona Attard.